1Isimgħu, uliedi, it-tagħlim ta’ missier,
qisu li titgħallmu l-għaqal;
2għax jien tagħlim tajjeb nagħtikom;
għalhekk tinsewx twissijieti.
3Kont għadni tifel ma’ missieri,
żgħir u waħdieni taħt għajnejn ommi.
4Hu kien jgħallimni u jgħidli:
“Żomm kliemi b’qalbek kollha;
ħares il-kmandamenti tiegħi, u jkollok il-ħajja.
5Ikseb l-għerf, ikollok id-dehen,
tinsihomx, u titwarrabx minn kliem fommi.
6Twarrbux minnek, u hu jżommok,
ħobbu, u hu jieqaf miegħek.
7L-aqwa ħaġa, li tikseb l-għerf;
ikseb id-dehen akkost ta’ kollox.
8Għożżu, u hu jżommok fl-għoli,
tgħannaq miegħu, u jkunlek ta’ ġieħ.
9Iqegħedlek fuq rasek kuruna sabiħa,
jitfa’ fuqek tiżjin kollu ġmiel.”
10Isma’ ibni, u ilqa’ kliemi,
u joktru s-snin ta’ ħajtek.
11Jien nurik it-triq tal-għerf,
immexxik fil-mogħdija tas-sewwa.
12Fil-mixi tiegħek ma ssibx xi jfixklek,
u jekk tiġri, ma taqax.
13Żomm mat-tagħlim, u tħallih qatt,
ħarsu sewwa, għax hu ħajtek.
14Taqbadx il-mogħdija tal-ħżiena,
timxix fit-triq ta’ min jagħmel id-deni.
15Aħrabha, tgħaddix minnha;
mur fuq naħa oħra, u ibqa’ sejjer.
16Għax il-ħżiena ma jorqdux, jekk ma jagħmlux id-deni,
itirilhom ngħashom, jekk ma jwaqqgħux lil xi ħadd.
17Huma jieklu ħobż il-ħażen,
u jixorbu nbid il-vjolenza.
18Imma triq it-tajbin bħal dawl iż-żerniq,
li jżid jitqawwa sal-milja tal-jum.
19Triq il-ħżiena bħal dalma kbira,
lanqas biss jilmħu dak li jġegħelhom jaqgħu.
20Ibni, agħti widen għal kliemi,
iftaħ widnejk għal dak li ngħid jien.
21Tħallihomx iwarrbu minn quddiem għajnejk,
żommhom fil-qiegħ ta’ qalbek.
22Għax huma l-ħajja għal min isibhom,
u s-saħħa għal ġismu kollu.
23Ħares lil qalbek bir-reqqa kollha,
għax minnha ġejja l-ħajja.
24Warrab minnek ħażen il-fomm,
biegħed minnek qerq ix-xufftejn.
25Żomm għajnejk dritti quddiemek,
u ħarstek ’il quddiem itfagħha.
26Ara fejn titfa’ riġlek fi triqtek,
u li triqatek kollha jkunu tajba.
27Tgħawwiġx ’l hawn u ’l hemm,
u warrab riġlejk mill-ħażen.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.