1Warajh qam Natan
jipprofetizza fi żmien David.
2Bħalma jingħażel il-grass mis-sagrifiċċju tas-sliem,
hekk ukoll intgħażel David minn ulied Iżrael.
3Kien jilgħab bl-iljuni bħalkieku gidjien,
u bl-orsijiet bħalkieku ħrief mill-merħla.
4F’żgħożitu ma qatilx ġgant
u neħħa għajb minn fuq il-poplu
meta rafa’ idu b’ċagħka fl-iżbandola
u tafa’ fl-art il-kburija ta’ Gulija?
5Għax sejjaħ lill-Mulej, lill-Għoli,
u tah is-saħħa t’idu l-leminija
biex joqtol bniedem ta’ ħila għall-ġlied,
ħa jgħolli l-qawwa tal-poplu tiegħu.
6Hekk tawh glorja għall-għaxart elef,
u faħħruh huma u jbierku l-Mulej
meta tawh il-kuruna ta’ glorja.
7Għax qered l-għedewwa ta’ madwaru,
u ġieb fix-xejn il-Filistin li kienu kontrih,
u farrak il-qawwa tagħhom sal-lum.
8F’kulma għamel radd ħajr
lill-Qaddis, lill-Għoli, bi kliem ta’ glorja,
u għanna b’qalbu kollha,
u ħabb lil Dak li għamlu.
9U qiegħed għannejja quddiem l-artal
biex iħollu leħenhom b’melodija ħelwa.
10Il-festi tahom il-ġmiel tagħhom,
u sebbaħhom għall-aħħar iż-żminijiet,
biex hekk jingħata t-tifħir
lill-isem qaddis ta’ Alla,
sa minn filgħodu jidwi l-għana fit-tempju.
11Il-Mulej neħħielu dnubietu,
u għollielu għal dejjem qawwietu,
u għamel miegħu patt tas-slaten,
u tah tron ta’ glorja f’Iżrael.Salamun
12Warajh qam iben għaref
u bis-saħħa tiegħu għammar fil-wisa’.
13Salamun kien isaltan f’jiem ta’ sliem;
lilu l-Mulej tah mistrieħ minn kull naħa,
biex jibnilu dar għal ismu,
u jħejjilu tempju għal dejjem.
14Kemm sirt għaref f’żgħożitek!
U bħal xmara kont tfur bid-dehen!
15B’moħħok imraħt fl-art,
imlejtha bi qwiel ta’ ħsieb tqil.
16Ismek wasal sa gżejjer imbiegħda,
u kont maħbub għas-sliem tiegħek.
17Għall-għanjiet, il-qwiel, il-parabboli,
u t-tifsiriet tiegħek, stagħġbu bik l-artijiet.
18F’isem il-Mulej Alla,
li jsejħulu Alla ta’ Iżrael,
ġmajt deheb daqskieku landa,
u mtlejt bil-fidda daqskieku ċomb.
19Imma mbagħad imteddejt maġenb in-nisa,
u sfajt maħkum mill-ġibdiet ta’ ġismek.
20Tebbajt ġieħek
u niġġist nislek;
ġibt għadab fuq uliedek,
u tnikktu minħabba bluhatek:
21saltnatek inqasmet tnejn,
u minn Efrajm ħarġet saltna li ma qagħditx għalik.
22Imma l-Mulej ma jwarrabx ħnientu;
lanqas iħalli xi kelma tiegħu tisfa fix-xejn;
ma jeqridx ulied il-magħżul tiegħu,
u lanqas ma jneħħi ulied dak li ħabbu;
u ħalla fdal lil Ġakobb,
u għal David għerq minn nislu.Reħobogħam
23U Salamun mar jistrieħ ma’ missirijietu,
u ħalla warajh wieħed minn uliedu,
kollu bluha u nieqes mill-għaqal u mid-dehen fost il-poplu,
Reħobogħam, li bi mġibtu qajjem il-poplu kontrih.Ġerobogħam
24Imbagħad, Ġerobogħam bin Nebat, li waqqa ’l Iżrael fid-dnub,
u qiegħed lil Efrajm fit-triq tad-dnub;
dnubiethom kotru għall-aħħar
hekk li keċċewhom minn arthom.
25Fittxew kull xorta ta’ ħażen
sakemm ġie fuqhom ħlashom.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.