LHUD Ħarsa ħafifa lejn l-ittra - Maltese Bible with DC
Ħarsa ħafifa lejn l-ittraĦafna studjużi huma tal-fehma li l-Ittra lil-Lhud mhix miktuba minn Pawlu, għax l-istil tal-kitba, il-kontenut, u l-użu ta’ eżempji mit-Testment il-Qadim, ma jaqblux għalkollox mal-ittri ta’ Pawlu. L-awtur tal-ittra hu aktarx xi ħadd li minn Ruma ried jilħaq lill-ħafna Lhud insara mxerrda f’ħafna pajjiżi, kif ukoll insara oħra, li minħabba t-tbatijiet li kienu għaddejjin minnhom bdew jaqtgħu qalbhom.L-insara bdew iqabblu r-reliġjon tagħhom ma’ dik Lhudija. Fir-reliġjon nisranija ma beda jidher xejn konkret ipparagunat maċ-ċerimonji, il-Patt, l-għeġubijiet fil-ġrajja tal-poplu, li dehru fir-reliġjon tal-Lhud. Daħlet il-mistoqsija jekk, wara kollox, kienx hemm għalfejn wieħed ibati meta kollox kien marbut ma’ dak li ma jidhirx.L-awtur ta’ din l-ittra ried iwieġeb għal dawn id-dubji billi jagħti provi qawwija tal-kobor bla qjies ta’ Ġesù Kristu li hu l-Iben ta’ Alla u ’l fuq minn kull personaġġ ieħor fit-Testment il-Qadim. Fih hemm il-milja ta’ kull wegħda u fih ukoll il-Patt tas-Sinaj isir il-Patt għall-popli kollha.Jekk il-Lhud kellhom il-qassis il-kbir tat-tempju li ried joffri s-sagrifiċċju tat-tpattija għad-dnub tal-poplu u tiegħu nnifsu, l-insara għandhom il-Qassis il-Kbir li b’demmu ħafer id-dnub tad-dinja darba għal dejjem u ma kellux xi jpatti għalih innifsu, għax hu l-Vittma safja u qaddisa, il-Ħaruf bla tebgħa. Jekk it-Tempju ta’ Ġerusalemm hu l-post tal-qima għal-Lhud, l-insara għandhom t-Tempju ħaj li hu Ġesù nnifsu. La l-anġli, la Mosè, la Ġożwè, u la ebda Levita qatt ma sama’ lil Alla jgħidlu “Int Ibni, jien illum nissiltek” jew “Oqgħod fuq il-lemin tiegħi, sa ma nagħmel l-għedewwa tiegħek mirfes għal riġlejk” (1,5; 13).Kull mexxej kbir fit-Testment il-Qadim għamel dak li kellu jagħmel skont is-sejħa ta’ Alla, għadda ż-żmien tiegħu, u ngħaqad ma’ missirijietu. It-Testment il-Ġdid hu mibni fuq l-Iben ta’ Alla li għammar fostna, sarilna t-triq li twassal għand il-Missier, u għadu ħaj fil-glorja.It-tweġibiet għad-dubji serji li qamu fost l-insara tal-ewwel snin, jiffokaw fuq il-persuna ta’ Ġesù li hu l-għajn ta’ kull fidi li minnha n-nisrani jikseb it-tama għal futur ċert ukoll jekk ma jidhirx bl-għajnejn tal-ġisem.Filwaqt li jfaħħar il-fidi tal-personaġġi kbar tat-Testment il-Qadim, l-awtur jinkoraġġixxi lis-segwaċi ta’ Kristu biex jiffissaw ħarsithom fuq l-Iben ta’ Alla li jagħtihom il-forza li jiġru l-ġirja sal-glorja tal-qawmien.Għax aħna m’għandniex qassis il-kbir li ma jistax jagħder id-dgħufija tagħna, imma għandna wieħed li kien imġarrab bħalna f’kollox, minbarra d-dnub. Ħa nersqu, mela, b’qalbna qawwija lejn it-tron tal-grazzja, biex naqilgħu ħniena u nsibu f’waqtha l-grazzja li neħtieġu (4,15-16).It-taqsim tal-ittraIntroduzzjoni: Kristu l-milja tar-rivelazzjoni ta’ Alla (1,1-3)Kristu aqwa mill-anġli (1,4—2,18)Kristu aqwa minn Mosè u Ġożwè (3,1—4,13)Kristu s-saċerdot ewlieni (4,14—7,28)Il-Patt ta’ Kristu ’il fuq minn kull patt ieħor (8,1—9,28)Is-sagrifiċċju ta’ Kristu jnaddafna mid-dnub (10,1-31)Il-fidi kollox (11,1—12,25)L-aħħar twissijiet u l-konklużjoni (13,1-25)