ĠOB 41 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 41

1Ara, ġiet fix-xejn it-tama ta’ min ipprova,

sa l-allat marru għal tulhom għad-dehra tiegħu.

2Ma jiħraxx jewwilla xħin wieħed iqajmu?

Min għandu l-ħila jieqaf quddiemu?

3Min tqabad miegħu u ħareġ bis-sliema?

Anqas wieħed mis-sema ’l isfel.

4Għalhekk ma noqgħodx sieket dwar ġismu,

irrid nitkellem fuq saħħtu liema bħalha.

5Min jista’ jċarrat il-libsa ta’ fuqu?

Min ixoqqha l-kurazza doppja tiegħu?

6Min jista’ jiftaħ dawk ix-xatbiet ta’ ħalqu,

imdawrin bi snien li jwerwru?

7Dahru ringieli ta’ tarki,

is-sinsla siġill magħluq.

8Marbutin it-tarki waħda mal-oħra

u ma tgħaddix arja bejniethom.

9Kull waħda mqabbda ma’ seħbitha,

marbuta sew u ma tinqalax.

10L-għatis tiegħu jagħti d-dawl,

għajnejh bħat-tbexbix tal-għodwa.

11Minn ħalqu joħorġu fjammi,

u jittajjar xrar tan-nar.

12Minn imnifsejh joħroġ il-fwar

bħal minn borma tagħli kemm tiflaħ.

13In-nifs tiegħu jqabbad il-ġamar

u jtajjar minnu x-xrar.

14F’għonqu tbejjet is-saħħa,

id-dgħufija taħrab minn quddiemu.

15Il-faldi ta’ laħmu magħquda ħaġa waħda,

marsusa miegħu bla ma jitħarrku.

16Sħiħa daqs blata qalbu,

iebsa daqs mola ta’ mitħna.

17Bil-biża’ li jnissel jitkexkxu l-qawwijin,

jintelqu fl-art imwerwrin.

18Is-sejf li jolqtu xejn ma jagħmillu,

lanqas il-lanza, il-vleġġa u l-ġavellott.

19Il-ħadid jistmah tiben,

u l-bronż għuda mherrija.

20L-ebda vleġġa ma ġġagħlu jaħrab,

il-ħaġar li jwaddbulu jsir fuqu tiben.

21Għalih il-mazza mhix għajr qasba,

hu jiddieħak b’min ixejjirlu l-lanza.

22Żaqqu bil-ponot bħal xaqquf jaqta’,

jifrex it-tajn qisu xatba.

23Iqalla’ l-qiegħ bħal borma tagħli,

jixkuma l-baħar bħal griġjol.

24Iħalli mnejn jgħaddi tranja bajda,

il-qiegħ tistħajlu talla’ x-xagħar qotni.

25M’hawnx fid-dinja ieħor bħalu

maħluq ma jibża’ minn ħadd.

26Iħares f’wiċċ kull min hu kburi;

hu sultan fuq il-bhejjem selvaġġi kollha.”

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help