SOFONIJA 2 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 2Stedina għall-konverżjoni

1Inġemgħu, inġabru, ġens bla mistħija,

2qabel ma tkunu misħuqin bħall-karfa

wara jum xogħol;

qabel ma l-korla mħeġġa tal-Mulej tilħaqkom;

qabel ma jum il-korla tal-Mulej

jasal għal fuqkom.

3Fittxu l-Mulej ilkoll,

intom, l-umli tal-art,

li tagħmlu ordnijietu;

fittxu l-ġustizzja, fittxu l-umiltà:

biex forsi f’jum il-korla tal-Mulej

ikollkom fejn tistkennu.L-għadu mill-Punent: il-Filistin

4Għax Gaża għad tkun ħerba,

u Askalon deżert;

Asdod titkeċċa ’l barra f’nofsinhar,

Għekron titqaċċat.

5Ħażin għalikom, nies ta’ qrib il-baħar,

ġens tal-Keretin!

Din hija kelmet il-Mulej kontrikom:

“Għad inbaxxik, art tal-Filistin,

neqirdek qerda,

hekk li ma jibqa’ ħadd min jgħammar fik,

6u ssir mergħat, fejn biss rgħajja jirgħu,

art ta’ qrib il-baħar,

u mnadar għall-imrieħel.”

7U ssir tal-bqija ta’ dar Ġuda x-xtajta,

u jirgħu fiha,

imbagħad għal filgħaxija

jimteddu ġewwa d-djar ta’ Askalon.

Għax il-Mulej iżurhom, Alla tagħhom,

u jreġġagħhom għal li kienu.

L-għadu mil-Lvant: Mowab u Għammon

8“Smajt lil Mowab imaqdar,

smajt iż-żebliħ ukoll ta’ wlied Għammon,

kif maqdru l-poplu tiegħi

u tkabbru kontra arthom.

9Għalhekk, daqs kemm jien ħaj,”

oraklu tal-Mulej tal-eżerċti,

Alla ta’ Iżrael,

“għax bħal Sodoma jiġri lil Mowab,

u bħal Gomorra lil ulied Għammon:

isiru għalqa bil-ħurrieq miżgħuda,

u moxa kollha melħ,

ħerba għal dejjem.

Fdal il-poplu tiegħi

jeħduhom bi priża;

u l-bqija ta’ ġensi

jiksbuhom bħala wirt.”

10Jiġrilhom dan minħabba t-tkabbir tagħhom,

għax huma maqdru u tkabbru

kontra l-poplu tal-Mulej tal-eżerċti.

11Tal-biża’ jkun għalihom il-Mulej,

għax kollha jtemmhom lill-allat tal-art,

jinxteħtu jqimuh, kulħadd fi mkienu,

il-gżejjer kollha tan-nazzjonijiet.

L-għadu min-Nofsinhar: l-Etjopja

12Intom ukoll, ja poplu ta’ Kus:

“Ikunu dawn minfuda mis-sejf tiegħi.”L-għadu mit-Tramuntana: l-Assirja

13U jifrex idu lejn it-Tramuntana:

u jeqred lil Assirja;

u jagħmel ħerba waħda minn Ninwè,

art niexfa bħad-deżert.

14Ġo nofsha mbagħad jimteddu fl-art

l-imrieħel u bhejjem ta’ kull ġens:

sal-pellikan u sal-qanfud jgħammru

fil-kapitelli tagħha;

il-barbaġann fit-tieqa jsamma’ leħnu,

l-għorab fuq l-għatba,

għaliex l-injam taċ-ċedru nqala’ minnha.

15Din hija l-belt ferrieħa u b’moħħ mistrieħ,

li f’qalbha kienet tgħid, “Jien biss, ħadd ħliefi”!

Kif saret ħerba, fejn jimteddu l-bhejjem!

Kull min minn ħdejha jgħaddi

jaqbad isaffar u idu jxejjer lejha.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help