1U għamel artal tal-bronż, għoxrin driegħ twil, u għoxrin driegħ wiesa’, u għaxart idriegħ għoli.
2U għamel ukoll vaska tal-bronż fondut għall-ilma; kienet tonda, għaxart idriegħ minn xifer sa xifer, u għolja ħamest idriegħ, b’dawra tal-qjies ta’ tletin driegħ.
7U għamel għaxar imnariet tad-deheb, skont ma kien ordnat dwarhom u qegħedhom fit-tempju, ħamsa fuq il-lemin, u ħamsa fuq ix-xellug.
8U għamel għaxar imwejjed u qegħedhom fit-tempju, ħamsa fuq il-lemin, u ħamsa fuq ix-xellug; u għamel mitt bieqja tad-deheb.
9U għamel il-bitħa tal-qassisin, il-bitħa l-kbira, u l-bibien għall-bitħa, u dawn il-bibien ksiehom bil-bronż.
11U Ħuram għamel il-borom, il-pwali u l-bwieqi.
Hemm Ħuram temm ix-xogħol kollu li kellu jagħmel lis-sultan Salamun għat-tempju ta’ Alla;
12iż-żewġ kolonni, il-kapitelli mżaqqin għal fuq ras iż-żewġ kolonni, u ż-żewġ girlandi biex jiksu ż-żewġ kapitelli mżaqqin ta’ fuq il-kolonni;
13u l-erba’ mitt rummiena għaż-żewġ girlandi, iż-żewġ indani ta’ rummien għal kull girlanda li kienet tiksi ż-żaqq taż-żewġ kapitelli ta’ fuq ras il-kolonni;
14l-għaxar imqagħad u l-għaxart injiebi għal fuq l-imqagħad;
15il-vaska waħdanija u t-tnax-il baqra għal taħtha
16u l-borom, il-pwali u l-bwieqi u l-frieket. U Ħuram-abi għamel it-tagħmir kollu tagħhom tal-bronż ileqq lis-sultan Salamun għat-tempju tal-Mulej.
17Is-sultan dewwibhom fil-wita tal-Ġordan, ħdejn il-mogħdija ta’ Adama, bejn Sukkot u bejn Saretan.
18Salamun għamel dan it-tagħmir kollu b’kotra kbira, tant li l-użin baqa’ ma tqiesx minħabba l-kotra kbira tal-bronż.
19Hekk Salamun għamel it-tagħmir kollu meħtieġ għat-tempju ta’ Alla: l-artal tad-deheb, l-imwejjed li fuqhom kien jitqiegħed il-ħobż tal-preżenza,
20l-imnariet bl-imsiebaħ tad-deheb fin biex jinxtegħlu skont l-ordni quddiem is-santwarju,
21u l-ward, u l-imsiebaħ u l-imqassijiet mill-ifjen deheb.
22U l-imqassijiet, il-bwieqi, l-imgħaref u ċ-ċnieser, kollox kien tad-deheb fin; u d-dħul tat-tempju, u l-bibien ta’ ġewwa nett tal-post il-qaddis, u l-bibien tal-korsija tat-tempju, kollox kien tad-deheb.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.