1 MAKKABIN Ħarsa ħafifa lejn il-ktieb - Maltese Bible with DC
Ħarsa ħafifa lejn il-ktiebIl-Kotba tal-Makkabin huma miktuba minn żewġ kittieba differenti, aktarx għall-ħabta tal-ewwel seklu QK. Jista’ jkun li l-awtur tal-ewwel ktieb kien Lhudi minn Ġerusalemm li kiteb dwar kważi 50 sena ta’ storja tal-poplu Lhudi.Il-ġrajja tinbena fuq dak li għaddew minnu l-poplu Lhudi taħt il-prinċpijiet tas-Sirja li riedu jimponu fuq il-Lhud id-drawwiet li kienu jmorru kontra l-liġijiet ta’ missirijiethom. Minn wara l-eżilju, l-identità tal-poplu Lhudi bħala nazzjon kienet spiċċat kważi għalkollox. Kien baqa’ dak li sar magħruf bħala “l-Fdal ta’ Iżrael”, poplu ppurifikat mit-tbatijiet u li r-rwol tiegħu kien li jservi ta’ xhud tas-setgħa u l-preżenza ta’ Alla.Fiż-żewġ kotba naqraw stejjer ta’ nies qalbiena li ma beżgħux jitilfu ħajjithom biex ma jċedux taħt il-pressjoni morali tal-ħakkiema tagħhom. Il-mexxejja tagħhom kienu wlied il-qassis Mattatija, Ġuda l-Makkabi, Ġonatan u Xmun. Alla jippermetti li l-poplu jgħaddi mill-prova taħt il-ħakkiema kefrin u hekk jiġi ppurifikat bħad-deheb fin-nar. Wara, l-istess ħakkiema kburin, huma stess isibu ruħhom imxejnin. Dawn il-kotba mhumiex aċċettati mil-Lhud u l-insara Protestanti bħala ispirati.Kliem Mattatija lil uliedu qabel mewtu, ipoġġi l-ispirtu li bih hu mimli l-ktieb tal-Makkabin.Issa, uliedi, tħeġġu għal-Liġi u agħtu ħajjitkom għall-patt ta’ missirijietna. Ftakru fl-għemil ta’ missirijietna, li għamlu fi żmienhom, u tiksbu glorja kbira u isem li jkun għal dejjem. (2,50-51)It-taqsim tal-ktiebPersekuzzjoni u r-rewwixta ta’ Mattatija (1,1—2,70)It-tmexxija ta’ Ġuda l-Makkabi (3,1—9,22)It-tmexxija ta’ Ġonatan (9,23—12,53)It-tmexxija ta’ Xmun (13,1—16,24)