1Isimgħu dan, dar Ġakobb,
intom li ġġibu isem Iżrael,
intom li ħriġtu mill-ġewwieni ta’ Ġuda,
intom li taħilfu b’isem il-Mulej,
u tfaħħru l-isem ta’ Alla ta’ Iżrael,
imma mhux bis-sinċerità u lanqas bis-sewwa.
2Mill-belt qaddisa jissemmew,
u fuq Alla ta’ Iżrael iserrħu,
Jaħweh tal-eżerċti jismu.
3“Minn żmien il-qedem ħabbart il-ġrajjiet,
ħarġu minn fommi, u jien semmajthom,
u jien għamilthom minnufih, u seħħew ilkoll.
4Għax kont naf li int rasek iebsa,
għonqok għerq tal-ħadid, u ġbinek bronż.
5Sa mill-qedem ħabbarthomlok,
qabel ma seħħew semmajthomlok
li ma tmurx tgħid:
‘L-idolu tiegħi għamilhom,
ix-xbieha minquxa u mdewba ordnathom.’
6Int smajt u rajt dan kollu,
u issa ma tridx ixxandru?
Minn issa ’l quddiem insemmgħek ħwejjeġ ġodda,
ħwejjeġ mistura li int ma tafhomx.
7Inħolqu issa, u mhux żmien ilu;
u qabel żmienhom int ma smajtx bihom,
li ma tmurx tgħid: ‘Arani, jien kont naf bihom.’
8Int qatt ma smajt, int qatt m’għaraft;
lanqas qatt ma ftaħt widnejk.
Kont naf li int qarrieq,
u sa mill-ġuf sejħulek: ‘Xewwiex.’
9Minħabba f’ismi ma nżommx għadbi,
u minħabba ġieħi nitrażżan għalik,
biex ma neqirdekx.
10Arani, jien saffejtek mhux bħall-fidda;
ippruvajtek fil-forn tan-niket.
11Minħabba fija, minħabba fija nagħmel dan.
Għax għandu jitkasbar ismi?
Is-sebħ tiegħi lil ħaddieħor ma nagħtihx.”Il-Mulej jifdi lil Iżrael
12“Ġakobb, ismagħni,
u int Iżrael, li jien sejjaħt.
Jiena hu, Jiena l-ewwel, u Jiena l-aħħar.
13Idejja sejsu l-art,
u leminti firxet is-smewwiet.
Jiena nsejħilhom,
u huma jfeġġu lkoll flimkien.
14Inġabru lkoll u isimgħu!
Min minnhom ħabbar dan?
Il-Mulej iħobbu u hu jagħmel ir-rieda tiegħu
fuq Babilonja u nisel il-Kaldin.
15Jiena, jiena tkellimt u sejjaħtlu wkoll,
jiena ġibtu u nġiblu r-riżq fi triqtu.
16Ersqu lejja u isimgħu dan:
Sa mill-bidu ma tkellimtx bil-moħbi,
u meta seħħew il-ġrajja jien kont hemm.”
U issa Sidi l-Mulej bagħat lili u l-ispirtu tiegħu.
17Dan jgħid il-Mulej, il-feddej tiegħek, il-Qaddis ta’ Iżrael;
“Jien hu l-Mulej, Alla tiegħek;
jien ngħallmek għall-ġid tiegħek,
u nqabbdek it-triq fejn għandek timxi.
18Li kieku tajt widen għall-kmandamenti tiegħi,
kien ikun bħal xmara sliemek,
u sedqek bħal mewġ tal-baħar;
19In-nisel tiegħek bħar-ramel,
l-għelejjel ta’ ġewwenik bħat-trab,
u ismek la jitħassar u la jinqered minn quddiemi.”
20Oħorġu minn Babilonja,
aħarbu mill-Kaldin.
B’leħen l-għana ħabbruha, u xandruha;
xandruha sa truf l-art u għidu:
“Feda l-Mulej lil Ġakobb, il-qaddej tiegħu.”
21Għaddiehom mid-deżert u ma ħadhomx l-għatx;
ilma mill-blat nixxielhom,
xaqqilhom il-blat u gelglilhom l-ilma.
22Għall-ħżiena, m’hemmx sliem, jgħid il-Mulej.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.