1 KRONAKI 19 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 19David u l-Għammonin

1Ġara li wara dan miet Naħas, is-sultan ta’ wlied Għammon, u daħal isaltan floku ibnu.2 Sam 10,1-19.

2U David qal: “Ħa rrodd lil Ħanun bin Naħas il-favur li missieru għamel miegħi.” U David bagħat messaġġiera jagħtuh l-għomor għall-mewt ta’ missieru. U l-qaddejja ta’ David marru fl-art ta’ wlied Għammon għand Ħanun biex jagħtuh l-għomor.

3U l-kapijiet ta’ wlied Għammon qalu lil Ħanun: “Taħseb int li David bagħat jagħtik l-għomor biex permezz tal-qaddejja tiegħu jagħti ġieħ lil missierek? Mhux biex jistħarrġu u jitkixxfu u jġarrfu l-pajjiż ġew il-qaddejja tiegħu għandek?

4U Ħanun qabad lill-qaddejja ta’ David, qaxxrilhom leħjithom u qatgħalhom nofs ilbieshom min-nofs sal-maqgħad u telaqhom.

5U marru u għarrfu lil David dwar dawn in-nies. U bagħat lil min jilqagħhom - għax dawn l-irġiel ħassew ruħhom avviliti għall-aħħar. U s-sultan qalilhom: “Oqogħdu f’Ġeriko sakemm tikbrilkom il-leħja, imbagħad erġgħu lura.”

6Meta wlied Għammon raw li kisruha ma’ David, Ħanun u wlied Għammon bagħtu elf talent tal-fidda biex jikru mingħand Aram-naħarajm, minn Aram-magħka u minn Soba karrijiet u rikkieba;

7u krew tnejn u tletin elf karru, u s-sultan ta’ Magħka u n-nies tiegħu; u ġew u waqqfu l-kamp quddiem Medeba. U wlied Għammon inġabru minn bliethom, u ġew għall-gwerra.

8U David sama’ b’dan, u bagħat lil Ġowab u l-eżerċtu kollu u n-nies qalbiena.

9U l-Għammonin ħarġu u ħadu posthom għall-ġlied fil-bieb tal-belt; u s-slaten li kienu ġew tqassmu għalihom weħidhom fir-raba’.

10Meta Ġowab ra li kien mhedded minn quddiem u minn wara għażel l-aħjar min-nies kollha ta’ Iżrael, u qassamhom quddiem l-Aramin.1 Slat 2,28-34.

11U l-bqija tal-poplu ħallieh f’idejn ħuh Abisaj, u qassamhom quddiem l-Għammonin1 Kron 23,18-19.

12u qallu: “Jekk l-Aramin insibhom aqwa minni, int ejja għinni; u jekk int issib l-Għammonin aqwa minnek, niġi ngħinek jien.

13Agħmel il-ħila, u nissieltu għall-poplu tagħna u għall-ibliet ta’ Alla tagħna, imbagħad il-Mulej jagħmel dak li jidhirlu li hu tajjeb.”

14U Ġowab u n-nies li kellu miegħu resqu quddiem Aram biex jitqabdu; u dawn ħarbu minn quddiemu.

15U malli wlied Għammon raw li l-Aramin kienu ħarbu, ħarbu huma wkoll minn quddiem Abisaj, ħu Ġowab, u daħlu l-belt; Ġowab imbagħad mar u telaq lejn Ġerusalemm.

16Meta l-Aramin raw li marru minn taħt quddiem Iżrael, bagħtu messaġġiera u ħarġu lill-Aramin li kien hemm in-naħa l-oħra tax-xmara, u lil Sofak, il-kmandant tal-eżerċtu ta’ Ħadad-għeżer, miexi quddiemhom.

17David sar jaf b’dan u ġama’ lil Iżrael kollu, qasam il-Ġordan u ġie għalihom. U malli David qassam l-eżerċtu quddiem l-Aramin għat-taqbida, huma ħabtu għalih.

18U l-Aramin ħarbu minn quddiem Iżrael, David qatel mill-Aramin sebat elef rikkieb tal-karrijiet u erbgħin elf raġel tal-fanterija; lil Sofak, il-kmandant tal-eżerċtu, qatlu wkoll.

19Meta l-qaddejja ta’ Ħadad-għeżer raw li tkissru quddiem Iżrael, għamlu paċi ma’ David, u saru suġġetti għalih; u hekk l-Aramin ma ġewx aktar jgħinu lil ulied Għammon.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help