1Miżien falz jobogħdu l-Mulej
imma jogħġbu l-użin tajjeb.
2Fejn tidħol il-kburija, jidħol l-għajb;
imma l-umli jkollhom l-għerf.
3L-onestà tmexxi n-nies sewwa,
imma l-brikkuni jinqerdu bit-tagħwiġ tagħhom.
4Għal xejn ma jiswa l-ġid f’jum l-għadab,
imma l-ġustizzja teħles mill-mewt.
5Il-ġustizzja lit-tajbin tħarsilhom triqthom,
imma l-ħażin bi ħżunitu jaqa’.
6Il-ġustizzja tan-nies sewwa teħlishom,
imma l-brikkuni f’xewqathom jinqabdu.
7Malli jmut il-ħażin, ma jibqagħlux tama,
u xewqat il-ħżiena jintemmu fix-xejn.
8Il-bniedem ġust jinħeles mill-għawġ,
u minfloku l-ħażin jintefa’ fih.
9Bi kliemu l-ħażin jagħmel ħsara ’l għajru,
imma l-ġusti bil-għaqal jinħelsu.
10B’ġid il-ġusti tifraħ il-belt,
u tgħajjat bil-ferħ għall-qerda tal-ħżiena.
11Bil-barka tat-tajbin tinbena l-belt,
imma tiġġarraf b’fomm il-ħżiena.
12Min hu bla moħħ imaqdar ’l għajru,
min hu bil-għaqal joqgħod kwiet.
13Min ilablab jikxef ħwejjeġ moħbija,
imma min hu ta’ min jafdah iżomm sigriet.
14Fejn m’hemmx min imexxi sewwa jaqa’ l-poplu;
fejn hemm ħafna mexxejja tajba, hemm il-kwiet.
15Min jagħmel tajjeb għal ħaddieħor hu jbati;
min jobgħod jirhan ikun fiż-żgur.
16Mara ħelwa ġieħ ikollha;
mara għadu tas-sewwa t-tmaqdir.
L-għażżenin jiftaqru,
imma l-beżlin jistagħnu.
17Min hu ħanin ġid lilu nnifsu jagħmel,
imma ħsara jġib fuqu nnifsu l-kiefer.
18Il-ħażin ħlasu jkun fieragħ,
imma min jiżra’ s-sewwa qligħ tajjeb ikollu.
19Min iżomm mas-sewwa jkollu l-ħajja,
imma min jimxi bil-ħażen jimxi lejn il-mewt.
20Nies ta’ qlub mgħawġa jistmellhom il-Mulej,
imma jitgħaxxaq b’dawk li triqthom dritta.
21Oqgħod żgur: il-ħażin ma jeħlishiex;
imma wlied il-ġust meħlusa jkunu.
22Bħal ħolqa tad-deheb fi mnieħer ħanżir,
hi mara sabiħa imma bla għaqal.
23It-tama tat-tajbin fil-ġid tintemm,
imma l-ħżiena ħlief qerda m’għandhomx jistennew.
24Hawn min iqassam minn ġidu u aktar jistagħna;
u hawn min irekken u jgħix ta’ fqir.
25Min jagħti bil-qalb ikollu l-barka,
u min ixabba’ l-oħrajn ikollu bix-xaba’.
26Min jaħbi l-qamħ jisħtuh in-nies,
imma ’l dak li jbigħu jberkuh.
27Min iħabrek għall-ġid ikun milqugħ tajjeb,
imma min ifittex id-deni, deni jsib.
28Min iserraħ fuq ġidu jispiċċa biex jaqa’,
imma l-ġusti bħal werqa jħaddru.
29Min iħarbat daru jiret ir-riħ,
u l-iblah isir qaddej l-għaqli.
30Il-frott tal-ġust hu siġra tal-ħajja,
imma d-dnewwa tneħħi l-ħajja.
31Jekk il-ġust jitħallas fuq din l-art,
kemm aktar il-midneb u l-ħażin!
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.