ISAIJA 24 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 24Il-ġudizzju universali

1Ara l-Mulej se jbattal l-art, u jagħmel deżert minnha;

se jaqlibha ta’ taħt fuq u jxerred ’il min jgħammar fiha.

2U l-qassis ikun bħall-poplu,

u s-sid bħall-qaddej;

is-sidt bħal l-qaddejja tagħha,

il-bejjiegħ bħax-xerrej;

min jislef bħal min jissellef,

min jiddejjen bħal min idejjen.

3Titbattal l-art għalkollox,

u d-dinja titneżża’ għalkollox,

għax lissen il-Mulej din il-kelma.

4Imnikkta l-art u midbiela,

mifnija u mitluqa d-dinja;

is-sema u l-art it-tnejn mifnija.

5U tniġġset l-art taħt min jgħammarha,

għax ħallew il-liġijiet,

ma qagħdux għall-preċetti,

kisru l-patt ta’ dejjem.

6Għalhekk is-saħta kielet l-art;

u dawk li jgħammru fiha ħallsu għall-ħtija.

Għalhekk inħarqu dawk li jgħammru fl-art,

ftit huma n-nies li baqgħu.

7Skarsa l-inbid,

id-dielja dbielet,

jitniehdu dawk ta’ qalb ferħana.

8Siket il-ferħ tat-tnabar,

għab l-għajjat tal-ferriħin,

waqaf il-ferħ tal-arpa,

9Ma jixorbux aktar inbid u jgħannu;

morr ix-xorb għal min jixorbu.

10Tfarrket il-belt tat-taħwid;

issakkret kull dar biex ħadd ma jidħol.

11Jgħajtu fit-toroq għax m’hemmx inbid,

il-ferħ għab kollu,

l-hena tbiegħed mill-art.

12Kulma baqa’ fil-belt tħarbit,

u l-bibien tfarrku u saru laqx.

13Hekk għad jiġri f’nofs l-art u fost il-popli,

bħal meta jfarfru s-siġar taż-żebbuġ,

bħall-fdal wara l-ġbir tal-għeneb.

14Dawn jgħollu leħinhom u jgħannu ferħana;

il-kobor tal-Mulej ixandru mill-Punent:

15‘Sebbħu lill-Mulej fil-Lvant,

fil-gżejjer tal-Punent,

isem il-Mulej, Alla ta’ Iżrael.’

16Minn tarf l-art smajna l-għana:

‘Glorja lill-Ġust.’

Imma jiena għedt:

‘Imsejken jien, imsejken jien, jaħasra għalija

il-ħżiena bil-qerq jimxu, ma jafux ħlief iqarrqu.’

17Biża’, ħofra u nassa,

hemm għalik li tgħammar fl-art.

18U jiġri li min jaħrab mill-għajjat tal-biża’

jaqa’ fil-ħofra,

u min jitla’ mill-ħofra jinqabad fin-nassa.

Għax jinfetħu bwieb is-sema,

jitheżżu sisien l-art.

19Għalkollox titfarrak l-art,

tixxaqqaq minn fuq s’isfel,

titheżżeż b’theżżiża kbira l-art.

20Titbandal l-art bħal wieħed fis-sakra,

tixxengel bħal għarix.

Ħżunitha tagħfas fuqha,

taqa’ u ma terġax tqum.

21U dakinhar il-Mulej iżur

l-eżerċti tas-smewwiet fis-sema,

u s-slaten tal-art fl-art.

22U jinġemgħu bħal ilsiera f’ħofra,

u jingħalqu f’ħabs,

u wara ħafna jiem jieħdu l-kastig.

23U l-qamar jitħawwad,

u x-xemx tistħi.

Għax il-Mulej tal-eżerċti jsaltan

fuq l-għolja ta’ Sijon u f’Ġerusalemm,

u juri l-glorja tiegħu quddiem l-anzjani tiegħu.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help