1Meta rrid infejjaq lil Iżrael,
nsib quddiemi l-ħtija ta’ Efrajm,
u l-ħażen ta’ Samarija:
qarrieq għemilhom,
bħall-ħallelin jidħlu fid-djar,
u bħall-briganti jisirqu minn barra.
2Qatt ma jieqfu jaħsbu li jien naf ħżunithom kollha;
għemilhom kollu ta’ madwarhom,
kollu quddiem għajnejja.
3Bil-ħażen tagħhom iferrħu s-sultan,
u bil-qerq tagħhom il-prinċpijiet.
4Ilkoll mixgħula bl-għadab,
bħal forn imkebbes
li l-furnar ma jrewwaħlux in-nar,
minn xħin jagħġen sakemm l-għaġna togħla.
5F’jum is-sultan tagħna,
il-prinċpijiet tegħlibhom is-saħna tal-inbid,
u hu idu jagħti lin-nies qarrieqa.
6Qalbhom bħal forn taħraq bit-tnassis;
l-għadab tagħhom billejl jorqod,
u mas-sebħ iħeġġeġ bħal nar ilebleb.
7Ilkoll mixgħula bħal forn imqabbad,
u jikkunsmaw il-mexxejja tagħhom.
Is-slaten kollha tagħhom waqgħu,
u ħadd minnhom ma sejjaħli.
L-alleanzi mal-barranin8Efrajm mal-ġnus jitħallat,
Efrajm bħal ftira mhux imqallba.
9Il-barranin kilulu saħħtu,
u hu ma ntebaħx.
Ix-xagħar abjad ukoll traxxax fuqu,
u anqas intebaħ bih.
10Is-suppervja ta’ Iżrael tixhed kontrih;
imma huma ma jerġgħux lura lejn il-Mulej,
Alla tagħhom;
minkejja dan kollu ma jfittxuhx.
11Efrajm sar qisu ħamiema,
belha u bla għaqal;
lill-Eġittu jsejjaħ,
u lejn l-Assirja jmur.
12Huma u sejrin,
nifrex ix-xbiek fuqhom,
u bħat-tajr tas-sema nniżżilhom;
nikkastigahom minħabba ħżunithom.
13Gwaj għalihom li ħarbu minni,
saħta fuqhom, għax irvellaw kontrija.
Jiena kieku nifdihom,
imma huma mhux ħlief jigdbu kontrija.
14Qatt ma sejħuli minn qalbhom,
meta joqogħdu jnewħu fuq friexhom.
Għall-qamħ u l-inbid iqattgħu ġisimhom,
u jirvellaw kontrija.
15Jiena kont li saħħaħtilhom dirgħajhom,
imma huma bdew ifasslu l-ħażen kontrija.
16U jduru lejn ix-xejn,
qishom qaws li jfalli.
Taħt ix-xabla għad jaqgħu prinċpijiethom,
minħabba tlaqliq ilsienhom.
Dan ikun l-għajb tagħhom
fl-art tal-Eġittu.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.