1Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,
ħa ngħajtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!
2Nersqu quddiemu b’għana ta’ radd il-ħajr,
ngħannulu b’għajjat ta’ ferħ.
3Għax Alla kbir hu l-Mulej,
sultan kbir fuq l-allat kollha.
4F’idejh huma qigħan l-art,
tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.
5Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;
tiegħu l-art, għax b’idejh saret.
6Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,
għarkupptejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!
7Għaliex hu Alla tagħna,
u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.
Mhux li kontu llum tisimgħu leħnu!
8“La twebbsux qalbkom bħal f’Meriba,
bħal dakinhar f’Massa, fid-deżert,
9meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,
għalkemm raw dak li jien għamilt.
10Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;
u jien għedt: ‘Qalbu mħassra dan il-poplu,
u triqati ma jagħrfux.’
11Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:
Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!”
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.