PROVERBJI 22 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 22

1Aħjar isem tajjeb minn ħafna ġid,

aħjar fama tajba mill-fidda u d-deheb.

2L-għani u l-fqir f’dan huma xorta waħda;

li t-tnejn il-Mulej għamilhom.

3Min hu bil-għaqal jara l-għawġ u jwarrab;

min hu moħħu ħafif jidħol fih u jħallas għalih.

4Min jiċċekken u jibża’ mill-Mulej,

jieħu bi ħlasu għana, ġieħ u ħajja.

5Triq il-ħażin hi kollha xewk u għawġ;

min jgħasses fuqu nnifsu jitbiegħed minnhom.

6Ħarreġ tifel jimxi fit-triq it-tajba;

ma joħroġx minnha lanqas meta jixjieħ.

7L-għani jaħkem fuq il-fqir,

u min jissellef jaqa’ f’idejn min silfu.

8Min jiżra’ d-dnewwa jaħsad l-għawġ,

u ħatar għadbu jiġi fix-xejn.

9Min hu qalbu tajba jkun imbierek,

għax hu jaqsam ħobżu ma’ min hu fqir.

10Warrab l-arroganti u jieqaf it-tilwim,

u jintemm il-ġlied u t-tagħjir.

11Il-Mulej iħobb lil min hu qalbu safja;

min jitkellem bil-ħlewwa jogħġob lis-sultan.

12Il-Mulej iħares it-tagħlim,

u jxejjen kliem il-qarrieq.

13L-għażżien jgħid: “Hemm iljun hemm barra;

jekk noħroġ joqtolni f’nofs it-triq.”

14Kliem il-mara żienja bħal bir bla qiegħ;

fih jaqa’ min għandu l-Mulej kontrih.

15Il-bluha b’għeruqha fil-qalb ta’ kull tifel;

bis-saħħa tat-twiddib taqlagħhielu ’l barra.

16It-tagħkis tal-fqir jista’ jiswielu ta’ ġid;

min jagħti lill-għonja jiġi fil-bżonn.

Ġabra oħra ta’għajdut

17Agħti widen u isma’ kliem l-għorrief,

u iftaħ moħħok għal tagħlimi.

18Ikun jaqbillek iżżommhom ġo fik,

biex issibhom dejjem lesti f’fommok.

19Ħa ngħallmek illum triqat il-Mulej,

biex fih tkun it-tama tiegħek.

20Ktibtlek jien tletin proverbju,

kollhom pariri u tagħlim,

21biex nurik it-tajjeb u s-sewwa,

ħa tkun taf twieġeb tajjeb lil min bagħtek.

22Tisraqx il-fqir għax hu fqir,

u taħqarx l-imsejken fil-qorti;

23għax il-Mulej jiddefendi l-kawża tagħhom,

u jeqred lil dawk li jridu jeqirduhom.

24Tkunx ħabib ta’ min jinkorla,

tagħmilhiex ma’ min jisħon malajr,

25biex ma tidrax tagħmel bħalu,

u ssib ruħek fil-għawġ.

26Tkunx minn dawk li jagħmlu tajjeb għal ħaddieħor,

tidħolx garanti għad-djun tiegħu;

27għax jekk ma jkollokx biex tħallas,

sa friexek jeħdulek minn taħtek.

28Tneħħix il-ġebel qadim ta’ bejn għalqa u oħra,

li missirijietek qegħduhom b’sinjali.

29Qatt rajt wieħed imħarreġ fis-sengħa tiegħu?

Dan mas-slaten issibu,

u mhux ma’ nies bla isem ta’ xejn.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help