SALMI 27 - Maltese Bible with DC

Salm 27Fiduċja kbira f’Alla

1Ta’ David

Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi;

minn min għandi nibża’?

Il-Mulej hu l-kenn tiegħi;

quddiem min għandi nitwerwer?

2Meta jqumu għalija l-ħżiena,

biex jaħtfuni u jikluni,

dawk li għandhom għalija, l-għedewwa tiegħi,

huma jitfixklu u jaqgħu.

3Imqar jekk eżerċtu jqum għalija,

xejn ma tibża’ qalbi;

imqar jekk gwerra tqum kontrija,

jiena nibqa’ qalbi qawwija.

4Ħaġa waħda tlabt lill-Mulej,

ħaġa waħda nfittex:

li ngħammar f’dar il-Mulej

tul il-jiem kollha ta’ ħajti;

biex nitgħaxxaq bil-ħlewwa tal-Mulej

jien u nħares lejn it-tempju tiegħu.

5Għax hu jaħbini fl-għarix tiegħu

meta nsib ruħi fil-għawġ;

jistorni fis-satra ta’ daru,

fuq blata fl-għoli jqegħedni.

6U issa tintrefa’ rasi

fuq l-għedewwa ta’ madwari.

U jien noffri fit-tempju tiegħu

sagrifiċċju b’għajjat ta’ ferħ.

Ngħanni u nfaħħar il-Mulej!

7Isma’, Mulej, leħen l-għajta tiegħi,

ħenn għalija u weġibni.

8“Ejja,” għedt f’qalbi, “fittex ’il wiċċu”;

jien wiċċek infittex, Mulej.

9La taħbix wiċċek minni,

la twarrabx bl-herra l-qaddej tiegħek.

Inti l-għajnuna tiegħi;

tħallinix u titlaqnix,

Alla tas-salvazzjoni tiegħi.

10Għalkemm telquni missieri u ommi,

il-Mulej jilqagħni għandu.

11Urini, Mulej, it-triq tiegħek,

mexxini minn mogħdija dritta

minħabba l-għedewwa tiegħi.

12Titlaqnix għax-xewqa tal-għedewwa tiegħi;

għaliex xhieda qarrieqa qamu kontrija,

li l-qerq jarmu man-nifs tagħhom.

13Nemmen li għad nara t-tjieba tal-Mulej f’art il-ħajjin.

14Ittama fil-Mulej, żomm sħiħ u qawwi qalbek;

ittama fil-Mulej.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help