ĠEREMIJA 10 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 10Il-bluha tal-idolatrija

1Isimgħu, dar Iżrael, il-kelma li

jgħidilkom il-Mulej.

2Dan jgħid il-Mulej:

“Drawwiet il-ġnus la titgħallmux,

u la tibżgħux mis-sinjali tas-smewwiet,

il-ġnus jitbeżżgħu minnhom.

3Għax ir-reliġjon tal-popli hija frugħa,

għuda maqtugħa minn ġol-bosk,

xogħol idejn l-imgħallem bl-iskalpell.

4Iżejjinha bid-deheb u l-fidda,

iwaħħluha bl-imsiemer u l-martell,

biex ma titħarrikx.

5Bħan-nuffara f’għalqa ħjar,

l-idoli ma jitkellmux.

Trid terfagħhom, għax ma jimxux.

La tibżgħux minnhom,

għax deni ma jagħmlux,

u riżq ma fihom xejn.”

6Ħadd mhu bħalek, Mulej,

int kbir,

u kbir ismek f’qawwitu!

7Min ma jibżax minnek,

Sultan tal-ġnus?

Hekk jistħoqqlok;

għax fost l-għorrief kollha tal-ġnus,

u f’saltniethom kollha,

m’hemm ħadd bħalek.

8Nies boloh u bla moħħ;

tagħlim fieragħ, biċċa għuda.

9Fidda maħduma miġjuba minn Tarsis,

u deheb minn Ofir.

Xogħol l-imgħallem u idejn l-arġentier,

imlibbsa l-vjola u l-iskarlatt;

kollox xogħol in-nies tas-sengħa.

10Imma l-Mulej tassew hu Alla:

Alla ħaj u sultan ta’ dejjem.

Għall-għadab tiegħu titriegħed l-art,

u għall-qilla tiegħu l-ġnus ma jifilħux.

11Hekk għandkom tgħidulhom: “L-allat li ma għamlux is-smewwiet u l-art għad jgħibu minn fuq l-art u minn taħt is-smewwiet.”

12Bil-ħila tiegħu għamel l-art,

u d-dinja sejjes b’għerfu,

u bid-dehen tiegħu firex is-smewwiet.

13Iriegħed leħnu, jitqanqlu l-ilmijiet tas-smewwiet;

itella’ s-sħab minn truf l-art,

iberraq biex tagħmel ix-xita;

u minn ħażnietu jitlaq l-irjieħ.

14Jiblieh kull bniedem u jitlef dehnu;

l-arġentier jistħi mill-idolu tiegħu,

għax gidba hi x-xbieha mdewba,

u fihom nifs ma hemmx.

15Frugħa huma, xogħol ta’ xejn,

fi żmien ħlashom għad jintemmu.

16Mhux hekk sehem Ġakobb,

Hu li għamel kulma hu,

u t-tribù ta’ Iżrael il-wirt tiegħu,

“Jaħweh tal-eżerċti” jismu.Lesti għall-eżilju

17Iġbor mill-art is-sorra tiegħek,

int, belt assedjata.

18Għax dan jgħid il-Mulej:

“Arani, din id-darba nkeċċi ’l barra bħal bi żbandola,

in-nies li jgħammru fil-pajjiż;

irross fuqhom biex isibuni.”

19Ħasra għalija! Jien imġarraf,

il-ġerħa tiegħi bla fejqan.

Imma jien għedt: ‘Din il-marda tiegħi,

ikolli nitqanna biha.”

20Għarixi tħarbat,

tqattgħu l-ħbula tiegħi.

Uliedi tbiegħdu minni,

u m’għadhomx iżjed.

Ma fadalx min itellagħli għarixi,

u jifrixli t-tined.

21Iva! Ir-rgħajja tilfu rashom,

u l-Mulej ma fittxewhx.

Għalhekk ma kellhomx riżq,

u xterdu l-imrieħel tagħhom.

22Instama’ ħoss riesaq,

u għagħa kbira minn art it-Tramuntana,

biex jagħmlu mill-ibliet ta’ Ġuda ħerba,

bejta tax-xakalli.

Talba ta’ Ġeremija

23Jien naf, Mulej,

triq il-bniedem mhijiex f’idejh,

anqas min jimxi ma jista’

jiddirieġi l-passi tiegħu.

24Għakkisni Mulej, imma bil-qjies,

mhux f’għadbek,

inkella ġġibni fix-xejn.

25Ferragħ għadbek fuq il-ġnus li ma jagħrfukx,

fuq ir-razez li ismek ma jsejħux.

Għax huma belgħu lil Ġakobb, u kkunsmawh

u għamartu ħarbtuhielu.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help