ESTER BIL-GRIEG Daħla għall-Ktieb ta’ Ester bil-Grieg - Maltese Bible with DC
Daħla għall-Ktieb ta’ Ester bil-GriegIl-Ktieb ta’ Ester inkiteb bil-Lhudi x’aktarx fil-kuntest tal-festa tal-Purim x’imkien mil-Lhud li kienu jgħixu barra minn arthom. Ma nkitibx biex iwaqqaf il-festa imma l-aktar biex ifissirha. X’aktarx li fil-bidu din kienet festa pagana li l-Lhud għamluha tagħhom billi tawha tifsira ġdida: il-Mulej ħeles il-poplu tiegħu minn periklu kbir ħafna, u għalhekk għandna niċċelebraw biż-żfin u d-daqq, u b’ikliet għand xulxin. Il-Ktieb bil-Lhudi jfisser x’seta’ kien il-periklu kbir li l-poplu għadda minnu u li minnu Alla ħelsu bl-għaqal ta’ Ester u Mordekaj. Dan il-ktieb beda jiġi moqri matul din il-festa.Meta l-Lhud li kienu jgħixu ’l bogħod minn arthom bdew jisħqu li din il-festa tiġi miżmuma mil-Lhud kollha, ukoll dawk tal-Palestina, x’aktarx intalab li l-ktieb isirulu xi żjidiet biex jadattawh għal-liturġija u għall-mentalità Lhudija. Kienu l-Lhud li għamlu dawn iż-żjidiet, u għamluhom biex qabelxejn kull meta t-test jinqara fil-pubbliku, ikun jista’ jinftiehem bla diffikultajiet (qabbel iż-żjieda A ma’ Est1-2); biex lill-personaġġi ewlenin, Mordekaj u Ester, jagħtuhom bixra aktar reliġjuża u twajba (ara ż-żjieda Ċ); u biex jagħtu lill-festa tal-Purim interpretazzjoni teoloġika aktar wiesgħa: ma baqgħetx festa ta’ ferħ sempliċement għaliex Alla ħelisha lill-poplu Lhudi mill-isterminju f’jum li għalih intefgħet ix-xorti mill-għedewwa tagħhom (Est 9, 24-32), imma kellhom jifirħu għax-xorti li l-Mulej tahom, xorti differenti minn dik ta’ popli oħrajn (Est F, 7-10).Kien hemm Lhud li lanqas aċċettaw it-test Lhudi ta’ Ester; oħrajn aċċettawh mingħajr iż-żjidiet li sarulu wara, filwaqt li oħrajn aċċettawh biż-żjidiet. Il-ktieb ġie aċċettat mill-Knisja biż-żjidiet ukoll għaliex beda jinqara mill-insara bil-Grieg. San Ġilormu qaleb iż-żjidiet flimkien mat-test Lhudi imma għaddhom fi tmiem it-test; huwa kien iżomm biss l-oriġinal Lhudi għax hekk kienu jaħsbu l-Lhud. L-insara fit-tradizzjoni Protestanta jimxu fuq l-opinjoni ta’ San Ġilormu u jqisu bħala kanoniku biss it-test Lhudi, it-test li ppubblikajna mat-Testment il-Qadim. L-insara tat-tradizzjoni Kattolika jimxu fuq il-passi tal-Knisja tal-bidu li kienet tqis anki ż-żjidiet bħala ispirati u kanoniċi. Dawn iż-żjidiet qed jitpoġġew fejn soltu jitpoġġew fil-kuntest letterarju tat-test Lhudi u mmarkati b’ittri tal-alfabett (A-F) biex nuru li dawn kienu żjieda mat-test Lhudi li l-kapitli tiegħu huma mmarkati bin-numri Għarab.Dan il-ktieb jgħallem il-fiduċja f’Alla, l-imħabba lejn il-poplu tagħna wkoll meta dan ikun ifisser kultant li npoġġu ħajjitna fil-periklu, l-imħabba u r-rispett lejn kull poplu li għandu fil-ħsieb ta’Alla postu fl-istorja tas-salvazzjoni u li ħadd m’għandu jaħseb li jista’ jkun iġġustifikat iwettaq xi għamla ta’ ġenoċidju, il-bżonn tat-talb u tat-talb għal xulxin.