1Għall-mexxej tal-kor. Ta’ wlied Koraħ. Maskil.
2O Alla, b’widnejna aħna smajna,
qaluhulna missirijietna,
dak li int għamilt fi żmienhom,
3li għamilt b’idek fiż-żmien l-imgħoddi.
Il-ġnus keċċejt, u lilhom ħawwilt f’arthom;
il-popli għakkist, u lilhom frixt bħal friegħi.
4Ma kienx b’sejfhom li huma ħadu l-art,
jew bi driegħhom li kisbu r-rebħa;
kienet il-leminija tiegħek u d-driegħ tiegħek,
u d-dija ta’ wiċċek, għax int ħabbejthom.
5Inti s-sultan tiegħi u Alla tiegħi,
li tajt ir-rebħa lil Ġakobb.
6Bik nitfgħu lura l-għedewwa tagħna,
f’ismek nirfsu fuq dawk li jqumu għalina.
7Għax mhux fl-ark tiegħi jien nafda,
anqas is-sejf tiegħi ma jrebbaħni.
8Imma int teħlisna mill-għedewwa tagħna,
u tfixkel ’il dawk li jobogħduna.
9F’Alla niftaħru l-ħin kollu;
ismek infaħħru għal dejjem.
10Imma issa warrabtna u ċekkintna,
ma għadekx toħroġ mal-eżerċti tagħna.
11Ġagħaltna nduru lura minn quddiem l-għadu;
dawk li jobogħduna ħatfulna ħwejjiġna.
12Tlaqtna bħal nagħaġ għall-qatla,
u fost il-ġnus xerridtna.
13Begħt il-poplu tiegħek għal ħaġa żgħira;
ma qlajtx wisq mill-bejgħ tiegħu.
14Waqqajtna għaż-żebliħ tal-ġirien tagħna,
għaċ-ċajt u t-tkasbir ta’ dawk ta’ madwarna.
15Ġibtna fi lsien il-ġnus,
u l-popli jħarsu lejna u jħarrku rashom.
16L-għajb tiegħi quddiemi l-jum kollu,
il-mistħija tgħattili wiċċi,
17għall-kliem ta’ żebliħ u tkasbir,
quddiem l-għadu li jitħallas minni.
18Dan kollu ġralna, għalkemm ma nsejniekx,
għalkemm ma ksirniex il-patt tiegħek.
19Ma dorniex mill-fehma tagħna,
anqas ħarġu minn triqtek riġlejna.
20Imma int sħaqtna f’art il-klieb selvaġġi,
u b’dell il-mewt għattejtna.
21Li kieku nsejna isem Alla tagħna,
jew ftaħna idejna quddiem xi alla barrani,
22ma kienx Alla b’dan jintebaħ,
hu li jagħraf x’hemm moħbi fil-qalb?
23Minħabba fik joqtluna l-jum kollu,
jgħodduna bħal nagħaġ għall-qatla.
24Qum! Għax int rieqed, Sid tiegħi?
Stenbaħ! La twarrabniex għal dejjem.
25Għaliex taħbi wiċċek minna?
Għaliex tinsa d-dwejjaq u t-tagħkis tagħna?
26Għax fit-trab ninsabu mitluqa,
mixħuta mal-art minn tulna.
27Qum! Ejja biex tgħinna!
Eħlisna, f’ġieħ it-tjieba tiegħek!
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.