SALMI 83 - Maltese Bible with DC

Salm 83Kontra l-ġemgħa tal-għedewwa

1Għanja. Salm ta’ Asaf.

2O Alla, la torqodx,

tiqafx u tiskotx, o Alla!

3Għax, ara, qamu l-għedewwa tiegħek,

dawk li jobogħduk refgħu rashom.

4Jiftiehmu bejniethom kontra l-poplu tiegħek,

jingħaqdu kontra l-poplu l-għażiż tiegħek.

5U jgħidu: “Ejjew, ħa nwarrbuhom minn fost il-ġnus;

ma jissemmiex iżjed isem Iżrael!”

6Huma ngħaqdu fehma waħda,

u għamlu patt bejniethom kontra tiegħek.

7Ir-razez ta’ Edom u l-Ismagħelin,

Mowabin u Ħagarin,

8Gebal, Għammon u Għamalek,

il-Filistja man-nies ta’ Tir;

9Assur ukoll ingħaqad magħhom,

saru d-driegħ qawwi ta’ wlied Lot.

10Imxi magħhom kif imxejt ma’ Midjan u ma’ Sisera,

ma’ Ġabin ħdejn il-wied ta’ Kison,

11li nqerdu ħdejn Għajn-dor,

saru bħal demel tal-art.

12Agħmel lill-kbarat tagħhom bħal Għoreb u bħal Żeb;

bħal Żebaħ u Salmunna lill-kapijiet tagħhom ilkoll.

13Għax ilkoll kienu qalu: “Ħa nieħdu taħt idejna

l-aħjar oqsma tal-poplu ta’ Alla.”

14Alla tiegħi, agħmilhom bħal tromba tar-riħ,

bħal karfa li ttir maż-żiffa,

15bħal nar li l-bosk iqabbad,

bħal ħuġġieġa li tkebbes l-għoljiet.

16Hekk ilħaqhom bit-tempesta tiegħek,

werwirhom bir-riefnu tiegħek.

17Iksilhom wiċċhom bil-mistħija,

li jaslu biex ifittxu ismek, Mulej.

18Jistħu u jinfixlu darba għal dejjem,

jitħawdu sa ma jintilfu.

19Biex jagħrfu li Jaħweh hu ismek,

li int waħdek l-Għoli fuq l-art kollha.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help