1Aħjar loqma ħobż niexfa bis-sliem,
minn dar mimlija bl-ikel u l-ġlied.
2Qaddej bil-għaqal jikkmanda iben bla ġieħ,
u jaqsam il-wirt mal-aħwa.
3Il-fidda tissaffa fil-griġjol u d-deheb fin-nar,
imma qlub il-bnedmin iġarrabhom il-Mulej.
4Il-ħażin iħobb jisma’ kliem il-qerq,
u l-giddieb jagħti widen għall-ilsien ħażin.
5Min jidħak bil-fqir ikasbar lil min ħalqu;
min jifraħ bid-deni jħallas għalih.
6Ulied l-ulied huma l-ġieħ tax-xjuħ,
u l-kburija tal-ulied missirijiethom.
7Il-kliem sabiħ ma jixraqx lil min hu iblah;
kemm aktar ma jixraqx il-gideb lil min hu kbir.
8Rigal min ixaħħam bħal seħer fl-għajnejn,
bih wieħed jirnexxi kull fejn imur.
9Min jistor il-ħtija jżomm l-imħabba,
imma min itenniha jikser il-ħbiberija.
10Ċanfira waħda tolqot aktar lill-għaqli,
minn mitt daqqa lill-iblah.
11Il-ħażin iqum kontra min għandu s-setgħa,
imma mbagħad messaġġier aħrax jintbagħat għalih.
12Aħjar tħabbat wiċċek ma’ orsa li ħadulha l-frieħ,
milli mal-iblah fis-siegħa ta’ bluhatu.
13Min irodd id-deni għall-ġid,
id-deni ma jwarrabx minn daru.
14Il-bidu tal-ġlied bħal żbroff tal-ilma,
warrab qabel tibda xi ġlieda.
15Kemm min jeħles il-ħażin u kemm min jikkundanna l-ġust,
it-tnejn jistmellhom il-Mulej.
16X’jiswew il-flus f’id l-iblah?
Se jixtri bihom l-għerf, jekk m’għandux moħħ?
17Il-ħabib iħobbok kull ħin,
bħal ħuk imwieled għal żmien l-hemm.
18Min hu bla moħħ jidħol garanti,
u jagħmel tajjeb għal ħaddieħor.
19Min iħobb il-ġlied iħobb id-dnub;
min jagħmel bieb għoli jistieden it-tiġrif.
20Il-qalb qarrieqa ma ssibx kwiet,
u l-ilsien ħażin jiġi fl-għali.
21Missier l-iblah għali jkollu,
m’għandux biex jifraħ b’iben bla moħħ.
22Qalb ferħana tagħti s-saħħa,
ruħ imnikkta tmewwet il-ġisem.
23Il-ħażin jieħu r-rigali bil-moħbi,
biex ma jaqtax il-ħaqq skont is-sewwa.
24L-għaqli jżomm l-għerf quddiem għajnejh,
imma l-iblah idawwar għajnejh kullimkien.
25Iben iblah hu l-għali ta’ missieru,
u l-imrar ta’ ommu li wilditu.
26Mhux sewwa tikkastiga ’l min hu bla ħtija;
ħażin li ssawwat nies ta’ ġieħ.
27Min għandu l-għerf kliemu meqjus,
min għandu l-għaqal moħħu kalm.
28Lill-iblah ukoll, jekk jiskot, jaħsbuh għaref,
u b’għaqli jgħodduh, jekk iżomm fommu sieket.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.