1Aħjar ħajja bla wlied, imma mżejna bil-virtù,
ma tmut qatt it-tifkira tagħha,
għax hi stmata minn Alla, u mill-bnedmin ukoll.
2Fejn hemm il-virtù, il-bnedmin jimxu magħha,
u jixtiquha, jekk titbiegħed minnhom.
F’kull żmien tgħaddi msebbħa bil-ġieħ,
rebbieħa fi ġlieda għall-kuruna li ma tidbielx.
3Imma għal xejn ma jiswa n-nisel kotran tal-ħżiena,
ulied iż-żina tagħhom ma jrabbux għeruq fil-fond,
u lanqas iserrħu fuq is-sod.
4Jistgħu għal xi żmien iħaddru l-friegħi tagħhom;
iżda huma bla saħħa u jixxejru mar-riħ,
u bil-qawwa tar-rjieħ mill-għeruq jinqalgħu.
5Jitqaċċtu l-friegħi tagħhom qabel iż-żmien,
il-frott tagħhom ma jsirx, mhux tajjeb għall-ikel,
u għal xejn ma jiswa.
6Hekk ulied l-imħabba ħażina,
jixhdu għall-ħażen ta’ min wilidhom,
meta jidhru għall-ħaqq.
Il-mistrieħ tal-ġust7Imma l-ġust, imqar jekk imut żgħir, ikun fil-mistrieħ;
8għax ix-xjuħija ta’ ġieħ mhijiex dik tal-għomor twil,
u lanqas titqies min-numru tas-snin.
9Ix-xjuħija tal-bniedem hi l-għaqal tiegħu,
u l-għomor twil hu l-ħajja bla tebgħa.
10Wieħed kien jgħix fost il-midinbin,
imma kien jogħġob ’l Alla;
għalhekk Alla ħabbu u ħadu miegħu.
11Ħatfu biex il-ħażen ma jħassarlux moħħu,
jew il-qerq iqarraq b’ruħu.
12Għax is-seħer tal-ħażen idallam it-tajjeb,
u rwiefen il-passjoni jdawru l-moħħ bla qerq.
13Fi żmien qasir laħaq il-milja tal-perfezzjoni ta’ ħajja twila.
14Billi kien jogħġob lill-Mulej,
hu ħadu malajr minn qalb il-ħażen.
In-nies rawh dan, imma ma fehmux,
u lanqas biss ħasbu
15li tjieba u ħniena Alla juri mal-magħżulin tiegħu,
u li jidħol għat-twajbin tiegħu.
16Il-bniedem ġust, imqar wara mewtu,
jikkundanna l-ħżiena li jibqgħu ħajjin;
u ż-żagħżugħ, li jilħaq il-perfezzjoni fi żmien qasir,
jikkundanna ’l min jixjieħ fid-dnub.
17Għax in-nies jaraw tmiem min hu għaref,
imma lill-ġust ma jifhmux xi jrid minnu l-Mulej,
jew għala qiegħdu fis-sod.
18Dan kollu rawh, imma maqdruh;
iżda bihom il-Mulej jiddieħak.
19Wara mewthom bla ġieħ ikun ġisimhom,
u ħaġa tad-daħk fost il-mejtin għal dejjem:
għax hu jwaddabhom rashom ’l isfel, ilkoll imbikkma,
u jaqtagħhom minn riġlejhom.
Huma jkunu mitlufin għalkollox,
ikunu kollhom dwejjaq;
u titħassar it-tifkira tagħhom.Jum il-ħaqq
20F’jum il-kont ta’ dnubiethom jersqu mbeżżgħa,
ikkundannati f’wiċċhom minn ħtijiethom.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.