SALMI 78 - Maltese Bible with DC

Salm 78Tagħlim mill-istorja ta’ Iżrael

1Maskil. Ta’ Asaf.

Poplu tiegħi, agħtu widen għal-liġi tiegħi,

iftħu widnejkom għal kliem fommi.

2Niftaħ fommi biex inxandar kliem l-għerf;

nitkellem fuq ħwejjeġ moħbija mill-qedem.

3Dak li smajna u tgħallimna,

dak li qalulna missirijietna,

4aħna ma naħbuhx lil uliedhom,

iżda nxandruh lin-nisel ta’ warajhom:

tifħir il-Mulej u l-qawwa tiegħu,

u l-għeġubijiet li għamel.

5Waqqaf drawwa b’tifkira għall-poplu ta’ Ġakobb,

għamel liġijiet għal Iżrael;

u ordna lil missirijietna

biex jgħallmuhom lil uliedhom,

6ħalli jkun jafhom in-nisel ta’ warajhom;

u l-ulied li jitwieldu minnhom

jgħarrfuhom ukoll lil uliedhom,

7biex f’Alla jqiegħdu t-tama tagħhom;

ma jinsewx l-għemejjel ta’ Alla,

iżda jħarsu l-kmandamenti tiegħu;

8u ma jkunux bħal missirijiethom,

nies ta’ ras iebsa li b’xejn ma tisma’,

li qalbhom kienet bla mistrieħ,

u ruħhom lejn Alla infidila.

9Ulied Efrajm, imħarrġa fl-ark,

treġġgħu lura f’jum it-taqbida;

10ma ħarsux il-patt ta’ Alla,

ma ridux jimxu fuq il-liġi tiegħu.

11Insew l-għemejjel tiegħu

u l-għeġubijiet li kien uriehom:

12l-għeġubijiet li għamel quddiem missirijiethom

f’art l-Eġittu, fir-raba’ ta’ Sogħan.

13Feraq il-baħar biex għaddiehom minnu,

l-ilmijiet bħal ħitan waqqaf;

14mexxiehom bi sħaba binhar,

u b’ħuġġieġa ta’ dawl billejl.

15Xaqqaq il-blat fid-deżert,

sqiehom bħal b’baħar tal-ilma;

16ħareġ il-gliegel mill-blata,

ġerra bħax-xmajjar l-ilma.

17Iżda huma kontrih komplew dinbu,

qamu kontra Alla fid-deżert.

18Ġarrbu lill-Għoli f’qalbhom,

billi talbuh l-ikel li xtaqu.

19Tkellmu kontra Alla, u qalu:

“Jista’ Alla jħejji mejda fid-deżert?

20Hu ħabat il-blat, u l-ilma ħareġ,

widien tal-ilma gelglu;

ma jistax jagħti ħobż ukoll,

jew iħejji laħam għall-poplu tiegħu?”

21Għal dan il-kliem għadab il-Mulej;

tkebbes in-nar għal Ġakobb,

u s-saħna tiegħu xegħlet għal Iżrael.

22Għax huma ma emmnux lil Alla,

ma ttamawx fl-għajnuna tiegħu.

23Imma hu ordna s-sħab fl-għoli,

u fetaħ bwieb is-smewwiet;

24u xita ta’ manna bagħtilhom x’jieklu,

tahom il-qamħ mis-sema.

25Kull wieħed kiel il-ħobż tal-qalbenin,

ikel bix-xaba’ bagħtilhom.

26Tella’ r-riħ ilvant fis-smewwiet,

ħareġ ir-riħ isfel b’qawwietu.

27Xita ta’ laħam bħat-trab bagħtilhom,

għasafar bħar-ramel tal-baħar;

28u waqqagħhom f’nofs it-tined tagħhom,

madwar l-għerejjex fejn kienu jgħammru.

29Huma kielu u xebgħu għalkollox,

għax hu tahom kemm kienu xtaqu.

30Anqas laħqu temmew xewqithom,

kienu għadhom bl-ikel f’ħalqhom,

31xħin il-Mulej raġa’ inkorla għalihom;

qatlilhom l-aħjar nies tagħhom,

iż-żgħażagħ ta’ Iżrael mal-art xeħtilhom.

32B’danakollu baqgħu jidinbu,

ma emmnux fl-għeġubijiet tiegħu.

33U temm ħajjithom f’nifs wieħed,

is-snin tagħhom b’mewt għal għarrieda.

34Imbagħad kienu jfittxuh meta kien jeqridhom,

kienu jindmu u jfittxu ’l Alla bil-ħerqa;

35kienu jiftakru li Alla l-blata tagħhom,

Alla l-Għoli l-feddej tagħhom.

36Imma kienu jqarrqu bih bi kliemhom,

kienu jigdbulu bi lsienhom.

37Għax qalbhom ma kinitx sewwa miegħu,

ma kinux fidili mal-patt tiegħu.

38Iżda hu kien iħenn u jaħfrilhom il-ħtija,

ma kienx jasal biex jeqridhom;

ħafna drabi kien iżomm il-korla,

ma kienx jixgħel qilltu kollha.

39Kien jiftakar li bnedmin huma,

bħal żiffa li tgħaddi u ma terġax lura.

40Kemm-il darba qamu kontrih fid-deżert,

kemm-il darba nikktuh fl-art niexfa!

41Kienu jerġgħu jġarrbu lil Alla,

u jħeġġu l-korla tal-Qaddis ta’ Iżrael.

42Ma kinux jiftakru f’għemil idejh,

fil-jum li fdiehom mill-għadu,

43meta għamel il-mirakli fl-Eġittu,

l-għeġubijiet fir-raba’ ta’ Sogħan.

44Bidel f’demm ix-xmajjar tagħhom,

ma setgħux jixorbu min-nixxigħat tagħhom.

45Bagħtilhom dubbien li qeridhom,

u żrinġijiet li ħarbtuhom.

46Telaq għad-dud l-uċuħ tar-raba’,

u għall-ġradijiet ix-xogħol ta’ idejhom.

47Ħarbtilhom bis-silġ id-dwieli tagħhom,

u s-siġar tat-tin bil-ġlata.

48Qered bis-silġ il-bhejjem tagħhom,

u bis-sajjetti l-imrieħel tagħhom.

49Fetaħ għal fuqhom qawwet qilltu,

is-saħna, l-għadab u l-hemm.

Bagħtilhom l-anġli tal-ħsara,

50u witta t-triq għall-għadab tiegħu.

Ma ħafrilhomx il-mewt,

imma telaqhom għall-pesta.

51Qatel l-ulied il-kbar fl-Eġittu,

l-ewwel frott ta’ rġulithom fl-għerejjex ta’ Ħam.

52U ħareġ bħal nagħaġ il-poplu tiegħu,

bħal merħla fid-deżert mexxiehom.

53Qegħedhom fiż-żgur, u ma beżgħux;

imma l-għedewwa tagħhom għattiehom il-baħar.

54U daħħalhom fl-art imqaddsa tiegħu,

fuq l-għolja li kisbet il-leminija tiegħu.

55Keċċa l-ġnus minn quddiemhom,

u arthom qassam b’wirt lil Iżrael,

fi djarhom daħħal il-poplu tiegħu.

56Ġarrbu u kiddu lil Alla l-Għoli,

ma ħarsux il-kmandamenti tiegħu.

57Reġgħu lura u naqsu bħal missirijiethom,

għawġu triqthom bħal ark li jqarraq bik.

58Regħxuh fuq l-għoljiet tagħhom,

kebbsulu l-għira bl-idoli tagħhom.

59Sama’ b’dan Alla, u nxtegħel bl-għadab,

u warrab għalkollox lil Iżrael.

60Telaq is-santwarju ta’ Silo,

l-għarix fejn kien jgħammar fost il-bnedmin.

61Ħalla f’idejn l-għadu l-arka tiegħu,

fejn kien hemm il-qawwa u l-glorja tiegħu.

62Telaq għas-sejf il-poplu tiegħu,

ħadha bl-aħrax kontra wirtu.

63In-nar qered liż-żgħażagħ tagħhom,

siket l-għana taż-żwieġ għax-xbejbiet tagħhom.

64Il-qassisin tagħhom mis-sejf intlaqtu,

u ma setgħux jibkuhom ir-romol tagħhom.

65Qam imbagħad Sidi l-Mulej bħal minn raqda,

bħal gwerrier li jqum minn sakra.

66Laqat fuq wara l-għedewwa tiegħu,

tefagħhom fl-għajb għal dejjem.

67U warrab id-dar ta’ Ġużeppi,

ma għażilx it-tribù ta’ Efrajm;

68iżda għażel it-tribù ta’ Ġuda,

u l-għolja ta’ Sijon li kien iħobb.

69Hemm bena s-santwarju tiegħu bħall-ogħla smewwiet,

bnieh fis-sod bħall-art għal dejjem.

70Għażel lil David, qaddej tiegħu,

ħadu minn qalb l-imrieħel;

71minn wara n-nagħaġ bil-ħrief tagħhom ġiebu,

biex jirgħa ’l Ġakobb il-poplu tiegħu,

u lil Iżrael il-wirt tiegħu.

72Hu kien jirgħahom b’qalb safja,

bil-ħila ta’ idejh mexxiehom.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help