1Imma għall-qaddisin tiegħek idda dawl kbir.
U dawk li semgħu leħenhom bla ma rawhom,
hienja sejħulhom, għax ma kinux qegħdin ibatu.
2Raddewlhom ħajr talli ma ħallsuhomx wara li ħaqruhom,
u talbuhom maħfra talli ħaduha kontrihom.
3Għal dan int tajt lill-qaddisin tiegħek kolonna tan-nar,
biex tmexxihom fi triq li ma kinux jafuha,
u xemx li ma kellhiex tagħmlilhom ħsara fil-mixja glorjuża tagħhom.
4L-oħrajn kien ħaqqhom jibqgħu bla dawl u jingħalqu ġo ħabs mudlam,
huma li żammew imjassra lil uliedek,
li minnhom kellu jingħata lid-dinja d-dawl tal-Liġi li ma jintemm qatt.Il-mewt tal-ulied il-kbar
5Huma riedu joqtlu t-trabi tal-qaddisin tiegħek;
imma wieħed mit-trabi tefgħuh barra, u ħeles mill-mewt.
Bi tpattija int ħadtilhom il-kotra ta’ wliedhom,
u għarraqthomlhom ilkoll f’salt wieħed f’baħar imqalleb.
6Dak il-lejl tħabbar minn qabel lil missirijietna,
biex, wara li għarfu sewwa f’liema wegħdiet emmnu,
aktar iqawwu qalbhom.
7Il-poplu tiegħek stenna l-ħelsien tal-ġusti,
u l-qerda tal-għedewwa tagħhom,
8għax kif int ikkastigajt l-għedewwa tagħna,
hekk sebbaħt lilna meta sejjaħtilna għalik.
9L-ulied twajba tal-ġusti offrew sagrifiċċju bil-moħbi,
u lkoll fehma waħda qagħdu għal-Liġi ta’ Alla,
li l-qaddisin tiegħek jaqsmu xorta bejniethom
kemm il-ġid u kemm id-deni;
għalhekk minn qabel għannew tifħir missirijiethom.
10Min-naħa tal-għedewwa kien jinstama’ għajjat li ma kienx jaqbel ma’ tagħhom,
u kien jidwi l-ilfiq huma u jibku lil uliedhom.
11L-istess kastig ħadu flimkien l-ilsir u sidu,
u l-poplu u s-sultan batew l-istess.
12Ilkoll flimkien b’mewta waħda,
kellhom mejtin bla għadd.
Il-ħajjin ma kinux biżżejjed biex jidfnu l-mejtin,
għax f’daqqa waħda nqerdu l-aħjar fost uliedhom.
13Għalkemm minħabba s-sħarijiet bl-ebda mod ma riedu jemmnu,
mal-mewt ta’ wliedhom il-kbar kellhom
jistqarru li l-poplu tiegħek kien bin Alla.
14Waqt li ħemda ta’ kwiet kienet taħkem fuq kollox,
u l-lejl kien jaqbeż nofs il-mixja tiegħu,
15il-kelma setgħana tiegħek mit-tron tas-sultan tas-sema,
niżlet bħal ġellied qalil, f’nofs dik l-art misħuta,
16bix-xabla misnuna tad-digriet tiegħek li dejjem sod.
Kif waslet, kullimkien imliet bl-imwiet;
kienet għadha tmiss mas-sema, hi u miexja fuq l-art.
17Imbagħad f’daqqa waħda werwruhom dehriet f’ħolm ikrah,
u biża’ li qatt ma basruh ġie fuqhom;
18u, mitfugħin nofshom mejta, min ’il hawn u min ’il hemm,
kienu jistqarru għaliex kienu qegħdin imutu,
19għax fil-ħolm li kien iħawwadhom dan għarfuh minn qabel,
biex ma jmutux bla ma jkunu jafu għala kienu jbatu.
Il-kastig ta’ Iżrael20Fuq il-ġusti wkoll ġiet il-prova tal-mewt,
meta fid-deżert waqa’ kastig fuq il-ġemgħa,
iżda ma damitx wisq din il-korla ta’ Alla. malajr deher għalihom,
bil-mezzi f’idejh tal-ħidma tiegħu,
it-talb u l-inċens tat-tpattija.
Hu żamm il-korla tiegħek u waqqaf il-ħsara,
u hekk wera li hu qaddej tiegħek.
22Hu rebaħ il-ħruxija mhux bis-saħħa tal-ġisem
jew bil-qawwa tal-armi;
imma bi kliemu waqaf lil dak li kien isawwathom,
billi fakkru fil-pattijiet li ħalef lil missirijiethom.
23Meta l-iġsma waqgħu mejta gods wieħed fuq l-ieħor,
waqaf fin-nofs u rażżan il-korla ta’ Alla,
u għalqilha t-triq biex ma tilħaqx il-ħajjin.
24Id-dinja kollha kienet fuq il-libsa twila tiegħu,
ġieħ missirijietna kien minqux fuq ħaġar f’erba’ fillieri,
u l-kobor tiegħek kien fuq il-kuruna ta’ rasu.
25Quddiemhom il-qerriedi ċieda, għax beża’ minnhom,
kienet biżżejjed prova waħda biss tal-korla tiegħek.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.