ISAIJA 1 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 1L-Ewwel Parti: Kap 1 sa 39

1Il-viżjoni ta’ Isaija bin Amos, li kellu dwar Ġuda u Ġerusalemm fi żmien Għużżija, Ġotam, Aħaż, Ħeżekija, slaten ta’ Ġuda.Ġens midneb

2Isimgħu, smewwiet!

Agħti widen, art!

Għax tkellem il-Mulej:

“Ulied rabbejt u kabbart,

u huma qamu kontrija.

3Il-gendus jagħraf lil sidu,

u l-ħmar il-maxtura ta’ sidu;

imma Iżrael ma jagħrafx,

il-poplu tiegħi ma jifhimx.”

4Jaħasra għalik,

ġens midneb,

poplu mgħobbi bil-ħażen,

nisel il-ħżiena,

ulied imħassrin!

Telqu lill-Mulej;

maqdru l-Qaddis ta’ Iżrael,

inġibdu lura minnu.

5Għaliex tridu tissawtu aktar?

Għaliex tibqgħu tirvillaw?

Ir-ras kollha marida,

il-qalb kollha mifnija.

6Minn qiegħ ir-riġel sar-ras,

xejn ma hemm sħiħ fih.

Xejn ħlief drib, tbenġil u ġrieħi jnixxu.

Ma naddfuhomx, anqas rabtuhom,

lanqas dewwewhom biż-żejt.

7Artkom imħarbta,

blietkom maħruqa bin-nar;

ir-raba’ tagħkom quddiemkom għad jikluh il-barranin;

kollox ħerba bħal Sodoma fit-tiġrif.

8Waħedha baqgħet bint Sijon,

bħal għarix f’qasam dwieli,

bħal girna f’għalqa bħajra,

bħal belt imdawra.

9Li kieku l-Mulej tal-eżerċti ma ħallilniex fdal żgħir,

bħal Sodoma konna nkunu,

lil Gomorra konna nixbhu.

Sejħa għall-konverżjoni

10Isimgħu l-kelma tal-Mulej,

intom prinċpijiet ta’ Sodoma;

agħtu widen għat-tagħlim ta’ Alla tagħna,

intom nies ta’ Gomorra.

11X’tiswieli l-kotra tas-sagrifiċċji tagħkom?”,

jgħid il-Mulej.

Xbajt mis-sagrifiċċji tal-ħruq tal-bdabad,

u mix-xaħam tal-bhejjem smien.

Id-demm tal-gniedes u l-ħrief,

u tal-imtaten ma jogħġobnix.

12Meta tiġu taraw wiċċi

min ifittex dawn mingħandkom,

biex tiġu tikkalpestawli l-btieħi tiegħi?

13Iġġibux iżjed offerti fiergħa;

sirt nistkerrhu l-bħur,

il-qamar ġdid, is-sibt, u l-laqgħat li ssejħu:

ma niflaħx għall-ħażen flimkien mal-festi.

14L-ewwel tax-xhur u l-festi tagħkom, jien nobgħodhom,

piż huma għalija, għejejt nerfgħu.

15Meta intom tiftħu idejkom,

jien inwarrab għajnejja minnkom;

ukoll jekk tkattru t-talb,

jien ma nismagħkomx,

għax idejkom mimlija demm.

16Inħaslu u tnaddfu,

neħħu l-ħażen ta’ għemilkom minn quddiem għajnejja,

ieqfu mill-ħażen.

17Tgħallmu għamlu t-tajjeb,

fittxu d-dritt,

sewwu l-inġustizzji,

iddefendu l-iltim,

aqbżu għall-armla.

18Ejjew, mela, nirraġunaw flimkien,

jgħid il-Mulej,

imqar jekk dnubietkom ikunu ħomor bħall-iskarlatt,

isiru bojod bħas-silġ;

imqar jekk ikunu ħomor bħall-kremżi,

isiru bojod bħas-suf.

19Jekk intom tridu u tobdu,

intom tieklu l-ġid tal-art.

20Iżda jekk tgħidu le u twebbsu raskom,

ix-xabla tikolkom,

għax fomm il-Mulej tkellem.”Il-ġudizzju u l-fidwa ta’ Sijon

21Kif saret żienja l-belt fidila!

Kienet mimlija bil-ġustizzja,

kien jgħammar fiha s-sewwa,

imma issa l-qattiela.

22Il-fidda tiegħek inbidlet f’karfa,

l-inbid tiegħek mifqugħ bl-ilma.

23Il-prinċpijiet tiegħek qamu fuq tagħhom,

u ssieħbu mal-ħallelin.

Ilkoll iħobbu r-rigali,

u jagħmlu għal wara l-qligħ.

L-iltim ma jagħmlulux ġustizzja,

u l-kawża tal-armla għandhom ma tasalx.

24Għalhekk dan hu l-oraklu ta’ Sidna,

il-Mulej tal-eżerċti,

il-Qawwi ta’ Iżrael:

“Ah! Nivvendika ruħi mill-għedewwa tiegħi;

nitħallas mill-għedewwa tiegħi.

25Inmidd idejja għal fuqek,

u nsaffik fil-forġa minn ħmieġek,

u ċ-ċomb kollu nneħħilek.

26U rraġġa’ l-imħallfin tiegħek għal li kienu dari,

u l-kunsillieri tiegħek għal li kienu fil-bidu.

Imbagħad isejħulek:

‘Belt is-Sewwa,

il-Belt Fidila’.”

27Bil-ġustizzja Sijon għad tinfeda;

u dawk li jikkonvertu jinfdew bis-sewwa.

28Imma l-midinbin u l-ħatjin flimkien jitkissru;

u dawk li jitilqu l-Mulej jintemmu.

29Għax intom għad tistħu mill-ballut li ħabbejtu;

u għad titriegħxu minħabba l-ġonna li għażiltu.

30Għad tkunu bħal balluta bil-weraq midbiel;

bħal ġnien bla ilma fih.

31U l-bniedem b’saħħtu jsir stoppa,

u għemilu xrar,

u jieħdu n-nar flimkien,

bla ma ħadd jitfihom.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help