1Il-Mulej isaltan; jitkexkxu l-ġnus!
Fuq il-kerubini t-tron tiegħu; ħa titheżżeż l-art!
2Kbir il-Mulej f’Sijon;
hu jaħkem fuq il-popli kollha.
3Ħa jfaħħru ismek, kbir u tal-biża’,
għax hu qaddis u qawwi.
4Int sultan li tħobb il-ġustizzja u waqqaft is-sewwa;
id-dritt u s-sewwa tagħmel ma’ Ġakobb.
5Għollu bit-tifħir lill-Mulej, Alla tagħna,
inxteħtu quddiem mirfes riġlejh, għax hu qaddis!
6Mosè u Aron fost il-qassisin tiegħu,
u Samwel fost dawk li jsejħu ismu,
kienu jsejħu l-Mulej, u hu jweġibhom.
7F’kolonna ta’ sħab kien jitkellem magħhom;
kienu jħarsu l-preċetti u l-liġi li tahom.
8Mulej, Alla tagħna, inti smajthom;
int Alla li tagħder kont għalihom;
iżda tħallast tal-imġiba ħażina tagħhom.
9Għollu bit-tifħir lill-Mulej, Alla tagħna,
u nxteħtu quddiem l-għolja mqaddsa tiegħu;
għax qaddis hu l-Mulej, Alla tagħna!
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.