1Xħin Salamun temm jitlob niżel nar mis-sema u kkonsma s-sagrifiċċju tal-ħruq, u l-vittmi; u l-glorja tal-Mulej imliet id-dar,
4U s-sultan u l-poplu kollu offrew sagrifiċċji quddiem il-Mulej.
5U s-sultan Salamun offra b’sagrifiċċju tnejn u għoxrin elf gendus, u mija u għoxrin elf nagħġa. Hekk is-sultan u l-poplu kollu kkonsagraw it-tempju ta’ Alla.
6U l-qassisin kienu qegħdin jagħmlu s-servizz tagħhom f’posthom, u l-Leviti bl-istrumenti tad-daqq tal-Mulej, li kien għamel is-sultan David għat-tifħir tal-Mulej - ‘għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.’ Hekk David kien ifaħħar il-Mulej permezz tagħhom. Il-qassisin kienu jdoqqu t-trombi biswithom, u l-Iżraelin ilkoll kienu bilwieqfa.
7U Salamun ikkonsagra l-biċċa tan-nofs tal-wesgħa li kienet quddiem dar il-Mulej, għax hemm offra s-sagrifiċċju u x-xaħam tas-sagrifiċċji tas-sliem, għax l-artal tal-bronż li kien għamel Salamun ma kienx jasa’ l-vittmi tas-sagrifiċċji tal-ħruq u l-offerti tal-qmuħ u x-xaħam.
8U Salamun f’dak iż-żmien għamel festa għal sebat ijiem, b’Iżrael kollu miegħu, ġemgħa kbira ħafna mid-dħul ta’ Ħamat sal-wied tal-Eġittu.
9U fit-tmien jum għamlu l-festa tal-għeluq, għax il-konsagrazzjoni tal-artal ħadet sebat ijiem, u l-festa sebat ijiem oħra.
10U fit-tlieta u għoxrin jum tas-seba’ xahar bagħat il-poplu lejn it-tined tiegħu, kollhom ferħana u qalbhom hienja għall-ġid kollu li kien għamel il-Mulej ma’ David u ma’ Salamun u ma’ Iżrael, il-poplu tiegħu.
11Hekk temm Salamun it-tempju tal-Mulej, u l-palazz tas-sultan; u rnexxa f’dak kollu li kien ġieh f’moħħu li jagħmel fit-tempju tal-Mulej u fil-palazz tiegħu.
12Imbagħad il-Mulej deher lil Salamun billejl u qallu: “Jien smajt it-talba tiegħek, u ħtart għalija dan il-post bħala dar għas-sagrifiċċji.
13Jekk jien nagħlaq is-sema u ma jkunx hemm xita; jekk nordna lill-ġradi li jieklu l-art; jekk il-poplu tiegħi nibgħatlu l-pesta;
14u l-poplu tiegħi, li fuqu jissejjaħ ismi, jumilja ruħu u jitlob u jfittex lil wiċċi, u jerġgħu lura mit-triq il-ħażina, jien nismagħhom mis-sema, u naħfrilhom dnubiethom u nfejqilhom ’l arthom.
15U minn issa ’l quddiem għajnejja huma miftuħa u widnejja attenti għat-talb f’dan il-post.
16U issa jien għażilt u qaddist dan it-tempju biex jgħammar fih ismi għal dejjem: hemm ikunu għajnejja u qalbi għal dejjem.
17U issa, jekk inti timxi fil-preżenza tiegħi bħalma mexa David missierek, u tagħmel kulma ordnajtlek, tħares il-liġijiet u d-digrieti tiegħi,
18jien insaħħaħ it-tron tas-saltna tiegħek bħalma ntrabatt li nagħmel ma’ David missierek, u għedtlu: ‘Qatt ma jonqos minn nislek min isaltan fuq Iżrael.’
19Imma jekk intom terġgħu lura, u tħallu l-liġijiet u l-ordnijiet tiegħi li jien qegħedtilkom quddiemkom, u tmorru wara allat oħra, taqduhom u tadurawhom,
20jien neqridkom mill-art tiegħi li jien tajtkom, u dan it-tempju li jien ikkonsagrajt għal ismi narmih minn quddiemi, u nġibu f’ilsien in-nies u jaqa’ għaż-żebliħ fost il-ġnus kollha.
21U dan it-tempju, li llum hu għoli fil-ġieħ, isir ħerba, u kull min jgħaddi minn ħdejh jibqa’ mistagħġeb u jgħid: ‘Għaliex il-Mulej għamlilhom hekk lil din l-art u lil dan it-tempju?’
22U jweġbuhom: ‘Għaliex telqu lill-Mulej Alla ta’ missirijiethom li ħariġhom mill-art tal-Eġittu, u qabdu ma’ allat oħra, u adurawhom wiċċhom fl-art u qdewhom. Għalhekk il-Mulej ġieb fuqhom din il-ħerba kollha.’ ”
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.