1Ġara li fis-sena ħdax, fl-ewwel tat-tielet xahar, ġietni l-kelma tal-Mulej, u qalli:
2O bniedem, għid lill-Fargħun, is-sultan tal-Eġittu, u l-kotra ta’ niesu: Lil min tixbah int bi kburitek?
3“Ara, l-Assirja, bħaċ-ċedru tal-Libanu,
bil-friegħi sbieħ, u b’dell mifrux,
wieqaf fil-għoli
u sa bejn is-sħab
tlaħħaq il-quċċata tiegħu.
4L-ilma kabbru,
u rawmuh l-ilmijiet tal-qiegħ,
li ġrew fl-imġieri tagħhom fejn kien miżrugħ,
u medd is-swieqi tiegħu
lejn is-siġar kollha tar-raba’.
5Għalhekk kiber u għola
’l fuq minn kull siġra tar-raba’,
u kotru r-rimjiet tiegħu,
u nfirxu l-friegħi tiegħu,
minħabba l-gliegel tal-ilma,
meta kien qed jikber.
6Fi frigħetu bejtu
t-tjur kollha tal-ajru,
u taħt il-friegħi tiegħu
wildu l-bhejjem tar-raba’,
u taħt dellu għammret
kotra ta’ nies minn kull ġens.
7Kiber u sbieħ
fil-medda tal-friegħi tiegħu,
għax kienu għeruqu
mxenxla fl-ilma kotran.
8Ma kien hemm ebda ċedru bħalu
fi ġnien Alla;
ebda ċipress ma kien ilaħħaq
miegħu fi frigħetu;
ebda siġra tal-platanu
ma kienet daqsu fi frigħetha;
ebda siġra fi ġnien Alla
ma kienet tlaħħaq miegħu fi ġmielha.
9Jien sebbaħtu bil-kotra ta’ frigħetu,
u għeru għalih is-siġar kollha tal-Għeden,
li kienu fi ġnien Alla.Il-waqgħa tal-Eġittu
10“Għalhekk dan jgħid Sidi l-Mulej:
‘Talli għola f’tulu, u rafa’ rasu sa ġos-sħab,
u talli qalbu tkabbret bl-għoli tiegħu,
11jiena rħejtu f’idejn l-aqwa fost il-ġnus ħalli jagħmillu skont ħżunitu.
12Qaċċtuh il-barranin, popli mill-eħrex fost il-ġnus,
u waddbuh fuq l-għoljiet, u frigħetu twaqqgħu mal-widien kollha,
u ż-żraġen tiegħu tkissru fil-ħniedaq kollha tal-art,
u ħarbu l-ġnus kollha minn taħt dellu u telquh.
13Fuq il-ħerba tiegħu tistrieħ
kull tajra tal-ajru,
fuq frigħetu toqgħod
kull bhima tar-raba’,
14biex ma tikber ebda siġra ħdejn l-ilma,
u togħla u terfa’ rasha fis-sħab,
u ebda xitla ħdejn l-ilma ma togħla daqshom,
għaliex kollha mitluqin għall-mewt għal taħt l-art,
f’nofs il-bnedmin, fost dawk li jinżlu fil-ħofra.”
15Dan jgħid Sidi l-Mulej:
“Fil-jum li fih niżel Art l-Imwiet, ġagħalt l-Abbiss jitbekka għalih; żammejt ix-xmajjar tiegħu u ntemmu l-gliegel tal-ilma; minħabba fih libbistu bil-vistu l-Libanu u dbielu s-siġar kollha tar-raba’ minħabba fih.Num 16,33.
16Triegħxu l-ġnus mal-waqgħa tiegħu, meta niżżiltu Art l-Imwiet, ma’ dawk li niżlu fil-qabar. Tfarrġu fid-dinja ta’ taħt is-siġar kollha tal-Għeden, l-aħjar u l-isbaħ siġar tal-Libanu, imsoqqija bl-ilma.Is 14,15; Eżek 32,18-31.
17U wkoll dawk li kellu miegħu niżlu Art l-Imwiet fost il-maqtulin bix-xabla; u dawk li kienu jgħinuh u jgħammru taħt dellu f’nofs il-ġnus jinqerdu miegħu.
18“Lil min tixbah fi ġmielek u l-kobor tiegħek fost is-siġar tal-Għeden? Imma int titniżżel f’qiegħ l-art mas-siġar tal-Għeden, u f’nofs in-nies bla ħtin timtedd flimkien mal-meqrudin bix-xabla.
“Dan hu l-Fargħun u l-kotra ta’ niesu.” Oraklu ta’ Sidi l-Mulej.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.