SALMI 77 - Maltese Bible with DC

Salm 77Ilment u tama fl-hemm

1Għall-mexxej tal-kor. Fuq “Ġedutun”. Salm ta’ Asaf.

2B’leħen qawwi ’l Alla nsejjaħ,

insejjaħ ’l Alla biex jismagħni.

3Fid-diqa tiegħi lil Sidi nfittex;

ma negħjiex billejl nerfa’ idi u nitlob;

ma tridx taf b’faraġ qalbi.

4Niftakar f’Alla u nitniehed;

jien u naħseb, tinfena qalbi.

5Inżomm miftuħa xfar għajnejja;

jiena mħawwad u ma nistax nitkellem.

6Naħseb fiż-żmien l-imgħoddi,

niftakar fis-snin ta’ qabel;

7billejl nitħaddet f’qalbi,

naħseb u nixtarr ġewwa fija.

8Tgħid għal dejjem se jwarrabna Sidna?

Mhux se jibqa’ jurina mħabbtu?

9Waqfet għal dejjem it-tjieba tiegħu?

Mhux se jibqa’ jżomm kelmtu minn nisel għal ieħor?

10Nesa Alla juri ħniena magħna?

Jew ħeba ħnientu fl-għadab tiegħu?

11Ikolli ngħid: “Dan hu l-għali tiegħi:

li Alla l-Għoli biddel għemil lemintu.”

12Imbagħad niftakar f’għemilek, Mulej;

naħseb fl-għeġubijiet li għamilt fl-imgħoddi.

13Naħseb f’kulma int għamilt;

nixtarr l-għemejjel kbar tiegħek.

14Qaddisa triqtek, o Alla!

Liema alla hu kbir bħal Alla tagħna?

15Int Alla li tagħmel ħwejjeġ tal-għaġeb,

li turi qawwietek fost il-popli.

16Bi driegħek fdejt il-poplu tiegħek,

l-ulied ta’ Ġakobb u ta’ Ġużeppi.

17Rawk l-ilmijiet, o Alla,

rawk l-ilmijiet u twerwru;

u sa qiegħ il-baħar triegħed.

18Mis-sħab niżlet ix-xita,

u s-smewwiet triegħdu;

leħħ ma’ kullimkien il-beraq tiegħek.

19Il-ħsejjes tar-ragħad tiegħek waħda f’waħda,

il-beraq dawwal id-dinja;

triegħdet u theżżet l-art.

20Triqtek fuq il-baħar,

fuq l-ibħra l-kbar il-mixja tiegħek;

u ħadd ma jsibhom il-passi tiegħek.

21Mexxejt bħal merħla l-poplu tiegħek,

b’id Mosè u Aron.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help