SALMI 135 - Maltese Bible with DC

Salm 135Tifħir lil Alla għall-għeġubijiet tiegħu

1Hallelujah!

Faħħru isem il-Mulej,

faħħruh, qaddejja tal-Mulej,

2intom li qegħdin f’dar il-Mulej,

fil-wesgħat ta’ madwar it-tempju ta’ Alla tagħna.

3Faħħru l-Mulej, għax hu tajjeb,

għannu lil ismu, għax hu sabiħ.

4Għax għażel il-Mulej ’il Ġakobb,

lil Iżrael, biex ikun il-poplu tiegħu.

5Naf tassew li kbir il-Mulej;

fuq l-allat kollha Alla Sidna.

6Kulma jogħġbu l-Mulej jagħmlu fis-smewwiet u fuq l-art,

fil-baħar u f’qiegħ l-ibħra kollha.

7Hu jtella’ s-sħab minn truf l-art,

jibgħat il-beraq u x-xita,

joħroġ l-irjieħ mill-imħażen tiegħu.

8Hu darab l-ulied il-kbar tal-Eġittu,

kemm bnedmin u kemm bhejjem.

9Sinjali u għeġubijiet għamel f’nofsok, Eġittu,

u laqtu l-Fargħun u l-qaddejja tiegħu kollha.

10Hu darab ġnus bla għadd,

u qered slaten qawwija.

11Qered ’il Siħon, sultan tal-Amurrin,

lil Għog, sultan ta’ Basan,

u s-saltniet kollha ta’ Kangħan.

12U l-art tagħhom qassamha b’wirt,

b’wirt lil Iżrael, il-poplu tiegħu.

13Mulej, għal dejjem idum ismek!

Mulej, minn żmien għal żmien il-fama tiegħek!

14Għax il-Mulej jagħmel ħaqq mal-poplu tiegħu,

juri ħniena mal-qaddejja tiegħu.

15L-idoli tal-ġnus mhumiex ħlief deheb u fidda,

xogħol ta’ id il-bniedem:

16għandhom il-fomm, u ma jitkellmux;

għandhom l-għajnejn, u ma jarawx;

17għandhom il-widnejn, u ma jisimgħux;

anqas nifs ma għandhom fi mnifsejhom.

18Bħalhom ikunu dawk li jagħmluhom,

u dawk kollha li jittamaw fihom.

19Bierek, Iżrael, il-Mulej;

bierek, dar Aron, il-Mulej;

20bierek, dar Levi, il-Mulej;

bierku l-Mulej, intom li tibżgħu mill-Mulej.

21Imbierek il-Mulej minn Sijon,

hu li joqgħod f’Ġerusalemm!

Hallelujah!

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help