NEĦEMIJA 6 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 6It-tnassis kontra Neħemija

1Mela jisimgħu Sanballat, Tobija, Gesem, l-Għarbi, u l-bqija tal-għedewwa tagħna, li kont bnejt is-swar u ma kienx fadal tiċrit fihom, għalkemm kont għadni ma qegħedtx il-bibien fid-daħliet.

2U bagħtu jgħiduli Sanballat u Gesem: “Ejja niltaqgħu flimkien f’Kefirim, fil-wita ta’ Onu.” Il-ħsieb tagħhom kien li jagħmluli d-deni.

3Jien għalhekk bgħatt messaġġiera jgħidulhom: “Għandi biċċa xogħol ġmielha x’nagħmel; għalhekk ma nistax ninżel niltaqa’ magħkom għax għandi nitlaq kollox u jieqaf ix-xogħol biex ninżel għandkom?”

4Imma huma bagħtu jgħiduli l-istess ħaġa erba’ darbiet u jien dejjem bgħattilhom l-istess tweġiba.

5U għall-ħames darba Sanballat bagħat għandi, bħal qabel, il-qaddej tiegħu. Dan kellu f’idu ittra miftuħa,

6li fiha kien hemm miktub hekk: “Qegħdin jingħadu xi xnigħat fost il-ġnus. Gesem qiegħed jgħid li int u l-Lhud għandkom il-ħsieb li tirvellaw, u għalhekk qegħdin tibnu s-swar. Skont ma qiegħed jingħad, int trid tkun is-sultan tagħhom,

7u wasalt biex qegħedt profeti li jħabbru fuqek f’Ġerusalemm u jgħidu: ‘Għandna sultan f’Ġuda!’ Issa s-sultan jisma’ b’dan kollu. Ejja għalhekk ħa nitħaddtu bejnietna.”

8Imma jien bgħatt ngħidlu: “Dak li qed tgħid mhuwiex minnu! Qlajtu int minn żniedek!”

9Għax kollha kemm huma riedu jbeżżgħuna meta qalu: “Idejhom ma jkunux jifilħu għal dan ix-xogħol, u ma jispiċċawhx.” Imma jien issa aktar għamilt il-qalb.

10Jien imbagħad mort id-dar ta’ Semajja bin Delaja, bin Meħetabel, fejn kien joqgħod magħluq. U hu qalli: “Ejja niltaqgħu fid-dar ta’ Alla, fil-qalba tat-tempju, u nagħlqu warajna l-bibien tat-tempju, għax ġejjin joqtluk. Ġejjin joqtluk billejl.”

11Imma jien weġibtu: “U raġel bħali se jaħrab? Jew min hu bħali jista’ jidħol fit-tempju u jibqa’ ħaj? Le, ma mmurx!”

12Għax, ara, jien fhimt li ma kienx mibgħut minn Alla, imma kien kellimni bħallikieku kien imnebbaħ, għax Tobija u Sanballat kienu xtrawh.

13Hu kien ġie mħallas biex ibeżżagħni, ħa nagħmel dak li qalli, u nidneb; u hekk ikolli isem ħażin magħhom, u jkollhom fuqiex iċanfruni.

14Ftakar, Alla tiegħi, f’Tobija u f’Sanballat minħabba f’dak li għamlu. Ftakar ukoll f’Nogħadija, il-profetissa, u fil-bqija tal-profeti, li kienu qegħdin ibeżżgħuni.

15Is-swar tlestew fil-ħamsa u għoxrin tax-xahar ta’ Elul, fi żmien tnejn u ħamsin ġurnata.

16U meta semgħu b’dan l-għedewwa tagħna kollha u rawh il-ġnus li kienu joqogħdu madwarna, intebħu li kienu waqgħu fl-istima tagħhom stess; u saru jafu li dan ix-xogħol kien sar bl-għajnuna ta’ Alla tagħna.

17Saħansitra f’dawk il-jiem il-kbarat ta’ Ġuda bagħtu ħafna ittri lil Tobija, u Tobija bagħtilhom ħafna wkoll.

18Ħafna f’Ġuda kienu konfoffa waħda miegħu billi hu kien jiġi r-raġel ta’ bint Sekanija bin Araħ, u ibnu Ġeħoħanan kien iżżewweġ lil bint Mesullam bin Berekija.

19Kienu saħansitra jitkellmu quddiemi fuq it-tajjeb tiegħu, u kliemi kienu jwassluhulu. U Tobija kien jibgħat ittri biex ibeżżagħni.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help