ĠOB 4 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 4Diskors ta’ Elifaż

1Wieġeb Elifaż it-Temani u qal:

2Jekk ngħidulek kelma tiflaħ għaliha?

Imma min jista’ jżomm fommu sieket?

3Ara, lix-xjuħ int kont tgħallimhom,

u l-idejn merħija kont issaħħaħ.

4Min kien jogħtor kien iqajmu kliemek,

u l-irkupptejn mitruħa jsaħħaħlu.

5Issa li ġie dan fuqek, tisbel,

għax l-għawġ laqat lilek, tinstaram.

6Ma jagħmillekx iżjed il-qalb twemminek?

Ma tnissillekx tama ħajtek bla tebgħa?

7Ftakar: liema bniedem bla ħtija ntilef?

Fejn qatt rajt in-nies sewwa meqruda?

8Milli rajt jien, dawk li jaħdmu l-ħażen

u l-għawġ jiżirgħu, ħażen u għawġ jaħsdu;

9b’nifs ta’ Alla jinqerdu,

b’riefnu tal-korla tiegħu jintemmu.

10Jiskot għajjat l-iljun u tgargir l-iljuna,

u l-frieħ tal-ljun jitfarrkulhom snienhom.

11Imut l-iljun għax tonqsu l-priża,

u l-frieħ tal-ljuna jixterdu.

12Issa lili waslet kelma bil-ħatfa,

u ħakmet widinti d-diwi tagħha;

13fit-tħassib dwar fantażmi billejl,

meta jaqa’ n-ngħas tqil fuq il-bnedmin,

14qabadni biża’ u tkexkix,

li regħedli għadmi kollu.

15Għadda riħ minn fuq wiċċi,

riefnu qajjem xewk xewk lil ġismi.

16Xi ħadd kien wieqaf, ma stajtx nagħraf wiċċu,

tfaċċat xbieha quddiem għajnejja,

skiet … u mbagħad smajt leħen:

17“Jista’ l-bniedem ikun ġust quddiem Alla,

il-maħluq ikun safi f’għajnejn Dak li ħalqu?

18Jekk lanqas il-qaddejja tiegħu Alla ma jafda,

u sal-anġli tiegħu jsib xi jgħid fihom,

19kif jistgħu dawk li jgħammru fi djar tat-tafal,

li s-sisien tagħhom imwaqqfa fit-trab,

ikunu safja f’għajnejn min għamilhom?

20Bejn tlugħ ix-xemx u nżulha jitfarrku,

u jgħibu għal dejjem bla isem.

21Iva, jinqata’ l-ħabel tat-tinda tagħhom,

u jmutu nieqsa mill-għerf.”

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help