1Dawwarni bil-gideb Efrajm,
u bil-qerq id-dar ta’ Iżrael;
u Ġuda għadu jtalla’ u jniżżel dwar Alla,
Alla l-Qaddis u l-fidil.
2Efrajm jirgħa r-riħ,
u jiġri wara x-Xlokk kuljum;
u jżid fil-gideb u l-qerq.
Jagħmel patt mal-Assirja
u lejn l-Eġittu jġorr iż-żejt.
3Il-Mulej għandu xi jgħid ma’ Iżrael
u jikkastiga lil Ġakobb għal imġibtu,
u jroddlu skont għemilu.
4F’ġuf ommu qabad għarqub ħuh,
u fl-aqwa tiegħu ssara ma’ Alla.
5Issara mal-anġlu u għelbu,
beka u talbu l-ħniena,
F’Betel sab lil Alla;
u hemm Alla tkellem miegħu,
6il-Mulej, Alla tal-eżerċti,
Jaħweh ismu:
7“Bil-għajnuna ta’ Alla tiegħek,
int terġa’ lura fl-għerejjex tiegħek:
ħares it-tjieba u l-ġustizzja,
u ttama dejjem f’Alla tiegħek.”
8Kangħan għandu f’idu miżien ħażin,
u jħobb iqarraq.
9U Efrajm qal: “Isma’, jien stagħnejt,
ksibt il-ġid għalija!”
Imma milli daħħal xejn ma jibqagħlu,
minħabba l-ħażen li għamel.
10Jiena l-Mulej Alla tiegħek
sa mill-art tal-Eġittu.
Nerġa’ nqiegħdek tgħammar taħt it-tined
bħal fil-jiem tal-laqgħa.
11U kellimt lill-profeti
u kattart id-dehriet;
u permezz tal-profeti
nitkellem bil-parabboli.
12Jekk f’Gilgħad hemm il-ħażen,
żgur għad jiġu fix-xejn.
F’Gilgal imbagħad offrew il-gniedes.
L-artali tagħhom isiru gzuz tal-ġebel
fir-raddi tar-raba’.
13U Ġakobb ħarab lejn ir-raba’ ta’ Aram,
u Iżrael ħadem għal mara,
u għal mara għamilha ta’ għassies.
14U permezz ta’ profeta talla’ l-Mulej
lil Iżrael mill-Eġittu,
u permezz ta’ profeta kien imħares.
15Imma Efrajm lill-Mulej inkorla sewwa,
għalhekk demmu jitwaddab fuqu,
u Sidu jroddlu l-għajb tiegħu.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.