SALMI 39 - Maltese Bible with DC

Salm 39Ħajjitna qasira u kollha frugħa

1Għall-mexxej tal-kor. Għal Ġedutun. Salm ta’ David.

2Jien għedt: “Irrid nara kif nimxi,

biex ma nagħmilx dnubiet bi lsieni;

inqiegħed fuq fommi sarima,

sakemm idum il-ħażen quddiemi.”

3Għalaqt ħalqi u bqajt sieket,

żammejt il-kwiet, u xejn ma swieli,

l-uġigħ tiegħi aktar ħraxli.

4Tħeġġet qalbi ġewwa fija;

għall-ħsieb biss, nar tkebbes fija.

Inħall imbagħad ilsieni, u jien għedt:

5“Għarrafni, Mulej, it-tmiem tiegħi,

u kemm hu twil żmien il-jiem tiegħi,

ħa nkun naf kemm xejn ma niswa.

6Ara, tul xibrejn għamiltli jiemi,

żmien ħajti qisu xejn quddiemek.

Tassew, daqsxejn ta’ nifs kull bniedem.

7Bħal dell jgħaddi l-bniedem,

għalxejn joqgħod jitħabat,

jaħżen il-ġid bla ma jaf min għad jiġbru.

8U issa, Mulej, jien x’nistenna?

Fik biss hija t-tama tiegħi.

9Eħlisni minn ħtijieti kollha,

titlaqnix għaż-żebliħ tal-iblah.

10Niskot jien, ma niftaħx ħalqi,

għax dan hu għemil tiegħek.

11Warrab minni d-daqqiet tiegħek;

mifni jien bis-swat ta’ jdejk.

12B’kastig tal-ħażen int tgħakkes il-bniedem,

bħal kamla tgħarraqlu ġmielu.

Tassew, daqsxejn ta’ nifs kull bniedem.

13Isma’, Mulej, it-talba tiegħi,

agħti widen għall-għajta tiegħi,

tibqax trux għad-dmugħ tiegħi.

Għax jien mhux ħlief mistieden għandek,

barrani, bħal missirijieti kollha.

14Warrab ħarstek minn fuqi, biex nieħu n-nifs,

qabel ma nitlaq u nintemm għalkollox.”

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help