1Oraklu:
Il-Mulej għadda mill-art ta’ Ħadrak,
u Damasku l-post tal-mistrieħ tiegħu;
għax tal-Mulej huma bliet Aram,
u kull tribù ta’ Iżrael.
2U Ħamat ukoll, li tmiss miegħu,
u Tir u Sidon, għad li għerfhom kbir.
3Għaliha nfisha Tir bniet fortizza,
u ġabret fidda bħat-trab,
u deheb bħat-tajn tat-triqat.
4Ara, is-Sid għad jagħmilha priża
u ġidha jwaddabhulha fil-baħar,
5Askalon tara dan u tibża’,
titkexkex Gaża, u Għekron ukoll,
għax it-tama tagħha tisfa fix-xejn.
Is-sultan jgħib minn Gaża,
Askalon ma tkunx mgħammra bin-nies,
6u nies ta’ demm imħallat jgħammru f’Asdod!
U jiena neqred il-kburija tal-Filistin,
7demmhom inneħħilhom minn fommhom,
u t-tinġis tagħhom minn bejn snienhom;
isiru huma wkoll fdal lil Alla tagħna,
u jkunu bħal familja f’Ġuda,
u Għekron bħall-Ġebusin.
8U noqgħod għassa madwar Dari,
biex ħadd ma joqgħod dieħel u ħiereġ,
u ma jidħolx aktar għalihom min jaħqarhom,
għax issa rajt l-hemm tagħhom.
Il-Messija9Ifraħ kemm tiflaħ, bint Sijon;
għajjat bil-ferħ, bint Ġerusalemm!
Ara, is-sultan tiegħek ġej għandek;
ġust u rebbieħ,
umli u riekeb fuq ħmar,
fuq felu ta’ ħmara.
10Hu jeqred il-karru minn Efrajm
u ż-żiemel minn Ġerusalemm;
jinqered il-qaws tal-gwerra.
Hu jxandar il-paċi lill-ġnus,
il-ħakma tiegħu tkun minn baħar sa baħar,
u mix-xmara tal-Ewfrat sat-trufijiet.It-tiġdid ta’ Iżrael
11Int ukoll, minħabba d-demm tal-patt tiegħek li għamilt miegħi,
nitlaqlek l-ilsiera tiegħek
ħielsa mill-ħofra fejn ma hemmx ilma.
12U jerġgħu lura għandek, bint Sijon,
l-ilsiera li qegħdin bit-tama.
Mil-lum stess inħabbar
li għad irroddlok id-doppju.
13Għax il-qaws tiegħi, li hu Ġuda, hu miġbud,
armajtu bil-vleġġa, li hi Efrajm.
Se nvenven ’l uliedek bħal lanza, Sijon,
kontra wliedek, Ġawan,
u nagħmlek bħal sejf ta’ gwerrier.
14Imbagħad il-Mulej jidher fuqhom,
u toħroġ bħal berqa l-vleġġa tiegħu.
Il-Mulej Sidi jdoqq it-tromba,
u jimxi ’l quddiem fit-tempesti tan-Nofsinhar.
15Il-Mulej tal-eżerċti jħarishom,
u jaslu li xejn ma jqisu ċ-ċagħak tal-iżbandoli;
ixejnuhom u jisħquhom taħt riġlejhom.
Id-demm jixorbuh qisu nbid,
u jimtlew bih bħall-kantunieri tal-artal.
16Dakinhar isalvahom il-Mulej, Alla tagħhom,
jirgħa l-poplu tiegħu bħal merħla,
għax bħal ġawhar prezzjuż ta’ dijadema
jkunu jleqqu fuq l-art tiegħu.
17Xi tjubija u xi ġmiel ikun fiha!
Il-qamħ jaħji ż-żgħażagħ,
u l-inbid ġdid it-tfajliet.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.