1Aħjar fqir li jgħix bla ħtija,
minn wieħed għani li jqarraq bi kliemu.
2Mhix tajba l-ħeġġa mingħajr il-ħsieb;
u min jimxi bl-għaġla jitlef triqtu.
3Bi bluhatu l-bniedem jgħarraq ħajtu,
u mbagħad jeħodha kontra l-Mulej.
4L-għana jiġbed ħafna ħbieb,
imma l-fqir sa ħabibu jitilqu.
5Min jixhed il-falz ma jibqax bla kastig,
u min ilissen il-gideb ma jeħlishiex.
6Ħafna jfittxu jinħabbu ma’ min hu jdejh miftuħa,
kulħadd ħabib ta’ min iħobb jagħti.
7Lill-fqir sa ħutu jaħarbuh;
kemm aktar ħbiebu jitbiegħdu minnu!
Ifittixhom bi kliemu, imma kollu għalxejn.
8Min jikseb id-dehen iħobb lilu nnifsu,
min jgħożż l-għaqal ikollu r-riżq.
9Min jixhed il-falz ma jibqax bla kastig,
u min ilissen il-gideb jintilef.
10Ma jixraqlux lill-iblah il-lussu;
kemm anqas lill-ilsir li jaħkem fuq il-kbarat!
11Bniedem bil-għaqal idum ma jagħdab,
hu ġieħ għalih jagħlaq għajnejh għall-offiża.
12L-għadab ta’ sultan bħal għajta ta’ ljun,
imma ħnientu bħal nida fuq il-ħaxix.
13Iben iblah hu l-għali ta’ missieru,
u mara ġellieda bħall-ilma jqattar dejjem.
14Id-dar u l-għana wirt il-missirijiet,
imma mara bil-għaqal hi don tal-Mulej.
15L-għażż iġib in-ngħas,
u l-għażżien ibati l-ġuħ.
16Min iħares il-liġi jħares lilu nnifsu;
min imaqdar il-kelma ta’ Alla jmut.
17Min iħenn għall-fqir ikun qed jislef lill-Mulej,
u hu jroddhulu bi ħlas tajjeb.
18Widdeb ’l ibnek dment li hemm tama għalih;
imma tkunx daqshekk aħrax li twasslu għall-mewt.
19Min jagħdab iżżejjed ibati hu;
u jekk teħilsu mill-kastig, jagħmel agħar.
20Isma’ l-parir u ilqa’ t-tagħlim,
biex ikollok l-għerf sal-aħħar ta’ ħajtek.
21Wieħed jista’ jfassal ħafna ħsibijiet,
imma dak li jseħħ hu l-ħsieb tal-Mulej.
22Il-bniedem jiġbdek bi tjubitu;
aħjar tkun fqir milli giddieb.
23Il-biża’ tal-Mulej iwassal għall-ħajja;
min jimtela bih ma jilħqux id-deni.
24L-għażżien idaħħal idu fil-platt,
u mank ireġġagħha lura lejn ħalqu.
25Jekk issawwat il-vjolenti, jitgħallem iċ-ċkejken,
widdeb l-għaqli, u hu jifhmek u jitgħallem.
26Min jgħakkes lil missieru u jkeċċi ’l barra ’l ommu,
hu iben bla ġieħ u kollu għajb.
27Tisma’ xejn it-tagħlim, ibni,
la trid titwarrab minn kliem l-għerf.
28Xhud ħażin jidħak bil-ġustizzja,
u fomm il-ħżiena jibla’ l-qerq.
29Għall-vjolenti hemm il-kundanna,
u s-swat għal dahar il-boloh.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.