ISAIJA 8 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 8Isem bin il-profeta

1U l-Mulej qalli: “Ħu tavlozz kbir

u ikteb fuqu b’ittri komuni: ‘Lil Maħer-salal-ħas-baż’.”

2U ħadt xhieda ta’ fiduċja, il-qassis Urija u ’l Żakkarija bin Ġeberkija.

3Imbagħad jien ersaqt lejn il-profetissa, u tqalet, u wildet iben.

U l-Mulej qalli: “Semmih: ‘Maħer-salal-ħas-baż’.

4Għaliex qabel ma t-tifel jitgħallem jgħid: ‘pa u ma’

jittieħed il-ġid ta’ Damasku u l-priża ta’

Samarija quddiem is-sultan tal-Assirja.”

5U l-Mulej issokta jkellimni u jgħidli:

6“Ladarba dan il-poplu stmell l-ilma ta’

Silwam, li jgħaddi ħelu ħelu u nħall bil-biża’

quddiem Resin u bin Remalija,

7għalhekk, araw, Sidi jtella’ għal fuqhom

l-ilma tax-xmara kotran u qawwi,

is-Sultan tal-Assirja u l-qawwa tiegħu kollha,

u togħla ’l fuq mis-swieqi kollha tagħha,

u taqbeż xtutha kollha;

8u tixtered fuq art Ġuda,

tgħarraq u tfawwar,

sa ma tilħaq sal-għonq.

Il-medda ta’ ġwenħajh,

tgħatti l-wisa’ kollu ta’ artek,

Għimmanu-el!

9Kunu afu, ġnus, li għad titkissru;

agħtu widen, intom ilkoll mill-ibgħad artijiet,

tħażżmu, imma għad titkissru,

tħażżmu, imma għad titkissru.

10Fasslu pjan u jisfrattalkom,

tkellmu bejnietkom, imma kliemkom ma jseħħx:

għax Alla magħna!Ibżgħu mill-Mulej

11Dan jgħidli l-Mulej, hu u jaqbadni b’id qawwija biex ma jħallinix nimxi fi triq dan il-poplu:

12“Issejħulux ftehim dak li dan il-poplu jsejjaħlu ftehim.

La tibżgħux mit-tbeżżigħ tiegħu,

u la titregħdux minnu.

13Il-Mulej tal-eżerċti,

lilu għandkom tqaddsu,

minnu għandkom tibżgħu,

minnu għandkom titriegħdu.

14U jkun għalikom maqdes,

imma ġebla għat-tfixkil,

u blata għall-waqgħa

taż-żewġt idjar ta’ Iżrael;

xbiek u mansab għal min jgħammar f’Ġerusalemm.

15Ħafna minnhom għad jogħtru,

jaqgħu u jitfarrku,

fix-xbiek jinqabdu u jaħtfuhom.”

16Jien naqfel din ix-xhieda

u nissiġilla t-tagħlim fid-dixxipli tiegħi;

17nittama fil-Mulej,

li ħeba wiċċu minn dar Ġakobb;

u nafda fih.

18Arawni, jien u wliedi li tani l-Mulej,

aħna sinjali u għeġubijiet f’Iżrael,

mingħand il-Mulej tal-eżerċti,

li jgħammar fuq l-għolja ta’ Sijon.

19In-nies jgħidulkom:

“Staqsu l-ispirti u l-bassara,

lis-sefsefin u l-gedwedin.

Forsi m’għandux il-poplu jistaqsi lill-allat tiegħu,

u għall-ħajjin ma jistħarrġux lill-mejtin?”

20Wieġbu: ‘Għandna t-tagħlim u x-xhieda.’

Min ma jgħidx kliem bħal dan,

qisu wieħed bla dawl is-sebħ.

21U jgħaddi mill-art magħkus u mġewwaħ;

u meta jieħdu l-ġuħ jitmasħan

u jisħet lis-sultan u lill-allat tiegħu;

jgħolli wiċċu ’l fuq,

22u jħares lejn l-art;

imma ħlief diqa u dlam ma jarax,

dlam u taħbit.

Imma l-lejl għad jgħib;

23adlam aktar ma jkunx hemm,

fejn qabel kien hemm id-dwejjaq.Il-Prinċep tas-sliem

23bBħalma qabel fl-imgħoddi kien mela bl-għajb

l-art ta’ Żebulun u l-art ta’ Naftali,

hekk issa fl-aħħar isebbaħ it-triq tal-baħar,

’l hemm mill-Ġordan,

il-Galilija tal-ġnus.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help