1Isimgħu l-kelma tal-Mulej,
ulied Iżrael.
Għax il-Mulej għandu kawża
man-nies tal-pajjiż.
Għax m’hemmx fedeltà u lanqas tjieba;
m’hemmx għarfien ta’ Alla fl-art;
2ħalf u gideb, qtil u serq;
u kotra ta’ adulterji,
vjolenza fil-pajjiż, u delitt fuq ieħor.
3Għalhekk il-pajjiż għad jibki,
u jinfena kull min jgħammar fih;
il-bhejjem tax-xagħri,
u t-tajr tal-ajru,
u mqar il-ħut ukoll jinqered.
4Madankollu ħadd m’għandu jitlewwem,
ħadd m’għandu jipprotesta:
il-ġlieda tiegħi miegħek, qassis.
5Int togħtor binhar,
u jogħtor miegħek billejl
il-profeta wkoll,
u jien neqridlek ’l ommok.
6Jinqered il-poplu tiegħi
minħabba n-nuqqas ta’ għarfien.
U billi inti warrabt l-għarfien,
inwarrbek jien milli tkun qassis għalija.
Talli int insejt il-liġi ta’ Alla tiegħek,
jien wkoll ninsa lil uliedek.
7Aktar ma kotru,
aktar dinbu kontrija.
Imma jien inbiddel il-glorja tagħhom f’għajb.
8Jieklu minn fuq dnub il-poplu tiegħi,
imxennqa għal ħżunithom.
9Poplu u qassis l-istess jiġrilhom.
Jien nikkastiga mġibtu,
u għemilu rreġġa’ għal fuqu.
10Għad jieklu, u ma jixbgħux,
jiżnu u ma joktrux.
Għax warrbu lill-Mulej,
biex marru jgħożżu ż-żina.
11L-inbid ġdid u l-qadim itellfu l-għaqal.
12Il-poplu tiegħi jmur jistħarreġ l-għuda tiegħu,
u l-ħatar tiegħu iħabbarlu;
għax l-ispirtu taż-żina tellifhom it-triq,
u żnew u tbiegħdu minn Alla tagħhom.
13Joffru s-sagrifiċċji fuq il-qċaċet tal-muntanji,
u jaħarqu l-inċens fuq l-għoljiet,
taħt il-ballut, il-luq u t-terebint,
għax dellhom tajjeb.
Għalhekk bnietkom jiżnu,
u n-nisa ta’ wliedkom adulteri.L-adulterji ta’ Iżrael
14Ma nikkastigax ’il bnietkom għax jiżnu, lanqas in-nisa ta’ wliedkom għax adulteri. Għax l-irġiel stess iwarrbu man-nisa żienja, u joffru s-sagrifiċċju man-nisa tas-santwarji, u hekk jintemm poplu bla għaqal.
15Jekk żienja int, Iżrael,
tħallix ’il Ġuda jaqa’ fil-ħtija.
La tmorrux Gilgal
u la titilgħux Bet-awen,
u la taħilfux: “Daqs kemm hu ħaj il-Mulej.”
16Bħal għoġla rasha iebsa,
webbset rasha Iżrael:
Jista’ issa jirgħahom il-Mulej,
bħallikieku ħrief fil-mergħat wiesgħa?
17Efrajm issieħeb mal-allat,
erħilu waħdu.
18Legilgu kemm felħu,
u żnew kemm riedu.
Ħabbew l-għajb aktar minn ġieħhom.
19Riefnu għad jaħtafhom taħt ġwinħajh,
u huma għad jistħu mill-artali tagħhom.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.