PROVERBJI 9 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 9L-għerf u l-bluha

1L-għerf bena d-dar tiegħu,

waqqaf is-seba’ kolonni tagħha;

2qatel il-bhejjem imsemmna,

ħejja l-inbid u l-mejda tiegħu.

3U bagħat il-qaddejja jxandru l-istedina

minn fuq l-imkejjen għolja tal-belt:

4“Min hu ċkejken ħa jiġi għandi!”

U lil min hu bla moħħ jgħidlu:

5“Ejjew, kulu l-ħobż tiegħi

u ixorbu l-inbid li ħejjejt għalikom.

6Warrbu l-bluhat tagħkom, u tgħixu,

u timxu ’l quddiem fl-għaqal.”

7Min iwissi lill-insolenti, jaħbatlu ħażin,

min iwiddeb il-ħażin, jaqla’ t-tagħjir.

8Twiddibx lill-insolenti, għax jobogħdok;

widdeb l-għaref, u jħobbok.

9Għallem lill-għaref, u jsir iżjed għaref;

għarraf lill-ġust, u iżjed jitgħallem.

10Il-biża’ tal-Mulej hu l-bidu tal-għerf,

u li tagħraf lill-Qaddis hu d-dehen;

11għax bija jitkattrulek jiem ħajtek,

u jiżdidulek snin għomrok.

12Jekk int għaref, lilek jiswa,

jekk int insolenti, int biss tbati.

13Il-bluha hi mara mferfxa,

moħħ ir-riħ u ma taħsibhiex.

14Tintefa’ f’bieb darha,

bilqiegħda fl-għoli fil-belt,

15issejjaħ lil min ikun għaddej,

hu u sejjer dritt għal triqtu:

16“Min hu belhieni, jidħol hawn”;

u tgħid lil min hu bla moħħ:

17“Ħelu hu l-ilma misruq,

u tajjeb il-ħobż meħud bil-moħbi.”

18U dak ma jindunax li hemm il-mejtin,

li l-mistednin tagħha huma f’qiegħ l-art.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help