1Talba. Ta’ David.
Agħtini widen, Mulej, u weġibni,
għaliex jiena msejken u fqajjar.
2Ħarisli ħajti, għax jiena twajjeb,
salva l-qaddej tiegħek, għax fik jittama.
3Int Alla tiegħi, ħenn għalija, Sidi,
għax lilek ngħajjat il-ħin kollu.
4Ferraħ ruħ il-qaddej tiegħek,
għax lejk, Sidi, jien nerfa’ ruħi.
5Għax int, Sidi, twajjeb u taħfer,
kollok tjieba għal kull min isejjaħlek.
6Agħti widen, Mulej, għat-talba tiegħi,
isma’ l-leħen tal-ilfiq tiegħi.
7F’jum in-niket tiegħi nsejjaħlek,
għax inti żgur tweġibni.
8Ħadd mhu bħalek fost l-allat, Mulej,
u xejn bħall-għemil tiegħek.
9Il-ġnus kollha, li għamilt, jiġu jinxteħtu quddiemek,
u jsebbħu ismek, Sidi.
10Għax kbir int, u għemejjel tal-għaġeb tagħmel;
int waħdek Alla!
11Urini, Mulej, triqatek,
biex nimxi fis-sewwa tiegħek;
agħtini qalb waħda, biex ikolli l-biża’ ta’ ismek.
12B’qalbi kollha niżżik ħajr, Mulej Alla tiegħi,
u nsebbaħ ismek għal dejjem.
13Għax kbira hi t-tjieba tiegħek miegħi,
int ħlistni minn qiegħ l-imwiet.
14O Alla, nies kburin qamu għalija,
ġemgħa nies qawwija jonsbuli ħajti;
huma nies li ma jagħtux kasek.
15Int, Alla Sidi, ħanin u twajjeb,
iddum biex tagħdab, kollok tjieba u fedeltà.
16Ħares lejja u ħenn għalija,
agħti qawwa lill-qaddej tiegħek,
salva l-iben tal-qaddejja tiegħek.
17Urini sinjal ta’ tjubitek,
ħa jaraw u jitħawdu l-għedewwa tiegħi;
għax int, Mulej, tgħinni u tfarraġni.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.