1Ta’ David, meta għamilha ta’ iblah quddiem Abimelek u dan keċċieh, u hu telaq.
2Kull ħin inbierek il-Mulej;
tifħiru dejjem fuq fommi.
3Bil-Mulej tiftaħar ruħi;
jisimgħu l-fqajrin u jifirħu.
4Xandru l-kobor tal-Mulej miegħi;
ħa ngħollu ismu flimkien.
5Jien fittixt il-Mulej, u weġibni,
minn kull biża’ tiegħi ħelisni.
6Ħarsu lejh u jiddi bil-ferħ wiċċkom,
u ma jkollkomx għax tistħu.
7Dan il-fqajjar sejjaħ u l-Mulej semgħu,
u mid-dwejjaq tiegħu kollha ħelsu.
8L-anġlu tal-Mulej jgħasses
madwar dawk li jibżgħu minnu, u jeħlishom.
9Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej;
hieni l-bniedem li jistkenn fih.
10Ibżgħu mill-Mulej, qaddisin tiegħu;
xejn ma jonqsu min jibża’ minnu.
11Is-setgħana jiftaqru u jbatu l-ġuħ;
min ifittex lill-Mulej xejn ma jkun jonqsu.
12Ejjew uliedi, isimgħu lili;
jiena l-biża’ tal-Mulej ngħallimkom.
13Min hu l-bniedem li jħobb il-ħajja,
u jixtieq jara għomru kollu riżq?
14Ħares ilsienek mill-ħażen,
u xufftejk minn kliem il-qerq.
15Tbiegħed mill-ħażen u agħmel it-tajjeb,
fittex is-sliem u imxi warajh.
16Għajnejn il-Mulej lejn il-ġusti,
u widnejh miftuħa għall-għajta tagħhom.
17Il-ħarsa tal-Mulej fuq il-ħżiena,
biex jeqred minn fuq l-art tifkirithom.
18Jgħajtu l-ġusti għall-għajnuna, u l-Mulej jismagħhom;
mid-dwejjaq kollha tagħhom jeħlishom.
19Qrib il-Mulej lejn dawk b’qalbhom maqsuma,
jgħin lil dawk b’ruħhom mifnija.
20Kbar huma l-ħsarat tar-raġel sewwa,
iżda minnhom kollha jeħilsu l-Mulej.
21Iħarislu għadmu kollha,
ebda waħda ma titkissirlu.
22Il-ħażin ħżunitu teqirdu;
min jobgħod il-ġust iħallas għall-ħtija.
23Jifdi l-Mulej il-ħajja tal-qaddejja tiegħu;
kull min jistkenn fih ma jkollux xi jpatti.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.