ĠOB 5 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 5

1“Għajjat issa! Min se jwieġbek?

Lejn liema qaddis tista’ ddur int?

2Iva, il-korla tifni lill-iblah,

l-għira teqred lill-bniedem bla għaqal.

3Jien rajt lill-iblah ixenxel għeruqu,

u malajr jinsteħet ix-xitel tiegħu;

4mitluqa wliedu bla m’għandhom min jgħinhom,

misħuqa f’bieb il-belt bla min jaqbeż għalihom.

5Il-ħsad tiegħu jikluh l-imġewħin,

ilaqqtuh sa minn qalb ix-xewk,

u l-għatxana jagħmlu għal ġidu.

6Le, ma jitnissilx mill-art in-niket,

lanqas ma jinbet mill-art il-hemm.

7Huwa l-bniedem li jiled l-għawġ,

bħalma ’l fuq ix-xrar jittajjar.

8Li kont minnek ’l Alla kont infittex,

u l-kawża tiegħi quddiemu nqiegħed.

9Hu jagħmel ħwejjeġ kbar ma nifhmuhomx,

għeġubijiet li ma jingħaddux.

10Hu jagħti x-xita lill-art,

u jibgħat l-ilma fuq wiċċ ir-raba’.

11Hu jtalla’ fil-għoli lill-umli,

u jqiegħed fis-sod lill-imsejknin.

12Huwa jħarbat il-pjanijiet ta’ dawk li moħħhom jilħqilhom,

biex ma jirnexxix għemil idejhom.

13Hu jaqbad l-għorrief fil-ħażen ta’ moħħhom,

u l-ħsieb tal-qarrieqa jiġi fix-xejn;

14binhar isibu d-dlam ma’ wiċċhom,

u fl-aqwa tax-xemx iteftfu qisu billejl.

15Hu jeħles il-fallut minn ħalqhom,

u l-miskin minn id il-kefrin.

16Hekk il-miskin jerġa’ jittama,

u l-ħażen ikollu jsodd ħalqu.

17Hieni tassew il-bniedem li Alla jwiddbu;

tistmerrx, mela, il-kastig mingħand Xaddaj.

18Għax Hu jidrob u jdewwi,

Hu jolqot, u jdejh ifejqu.

19Sitt darbiet jeħilsek mill-ħsara,

u fis-seba’ ma jmissekx id-deni.

20Jeħilsek mill-mewt fi żmien il-ġuħ,

u fil-gwerra mid-daqqa tas-sejf.

21Tkun imkennen minn swat l-ilsien,

ma tibżax mill-qerda meta tiġi.

22Ħerba u għaks tiddieħak bihom,

u l-bhejjem selvaġġi ma tibżax minnhom.

23Mal-ġebel tar-raba’ jkollok ftehima,

u l-bhejjem selvaġġi jkunu fis-sliem miegħek.

24Ikollok is-sliem fl-għarix tiegħek,

kull xħin iżżuru ssibu bla mittiefes.

25Tara wkoll li bosta jkunu wliedek,

u n-nisel tiegħek bħal ħaxix tar-raba’.

26Tasal għall-qabar misjur bl-għomor,

bħalma jinġabar fi żmienu l-qamħ.

27Ara, Ġob, dan flejnieh u hu minnu;

agħtih widen u tgħallmu sewwa.”

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help