ĦABAKKUK Ħarsa ħafifa lejn il-ktieb - Maltese Bible with DC
Ħarsa ħafifa lejn il-ktiebMit-tliet kapitli ta’ dan il-ktieb, l-ewwel tnejn huma rapport ta’ djalogu bejn il-profeta u Alla.Ħabakkuk hu ddisturbat ħafna mill-inġustizzja u l-ħażen tal-belt ta’ Ġuda. Igerger għal Alla li bħal donnu qed iħalli kollox għaddej. Meta Alla jwieġbu li kien se jikkastiga lill-poplu ta’ Ġuda billi jħallihom jaqgħu taħt idejn il-Babiloniżi, il-profeta juri li ma jaqbilx.Din id-darba jgerger dwar l-atteġġjament ta’ Alla li jrid jikkastiga lill-poplu ta’ Ġuda permezz ta’ nies li huma eħżen minnhom. Fiż-żmien meta l-profeta Ħabakkuk kien qed jaqdi l-missjoni tiegħu, għall-ħabta tas-seklu 7 QK, l-Imperu Babiloniż kien qed jinfirex b’ħeffa kbira. Il-ġnus kollha kienu qed isofru ħafna minn dawn il-ħakkiema vjolenti.Alla jfiehem lill-profeta li għall-Babiloniżi wkoll għad jasal il-mument tal-kastig. Il-ġid, l-artijiet, il-poter, miksuba bil-vjolenza, kollox għad jinqered fin-nar tal-korla ta’ Dak li jista’ kollox.L-aħħar kapitlu tal-ktieb jieħu xejra oħra. Il-profeta jgħanni innu ta’ tifħir lil Alla għall-ħwejjeġ kbar li għamel mal-poplu tiegħu, u jistqarr il-fidi qawwija u dejjiema tiegħu fl-għajnuna li ma tonqos qatt.Mulej, waslet f’widnejja l-fama tiegħek,mill-għemil tiegħek jiena bżajt, Mulej.Sa ftit snin oħra ġeddu,sa ftit snin oħra għarrfu!Fil-korla, ġib quddiem għajnejk il-ħniena.Alla ġej minn Teman,mill-muntanja Faran ġej il-Qaddis.Sebħu jiksi s-smewwiet,foħritu timla l-art (3,2-3).It-taqsim tal-ktiebIt-tgergir ta’ Ħabakkuk u t-tweġibiet ta’ Alla (1,1—2,4)Kundanna tal-ħżiena (2,5-20)It-talba ta’ Ħabakkuk (3,1-19)