1Ġob wieġeb u qal:
2“Li kellu jintiżen l-għali tiegħi,
u f’miżien titqiegħed il-ħsara kollha tiegħi,
3itqal tkun din minn ramel il-baħar;
għalhekk kliem addoċċ jitlaq fommi.
4Għax weħlu fija l-vleġeġ ta’ Xaddaj,
u qed tixrob ruħi l-velenu tagħhom;
it-twerwir ta’ Alla tkeskes għal fuqi.
5Jaqaw jinħaq il-ħmar bil-ħaxix quddiemu?
Se jgħajjat il-gendus bl-għalf taħt geddumu?
6Jittiekel forsi bla melħ it-tisjir ħelu?
Fih xi togħma l-abjad tal-bajd?
7Ikel bħal dan ma jduqux ħalqi;
jitqażżu bħal ikel imħassar.
8Kemm nixtieq li Alla jisma’ talbi!
Kemm nixtieq jaqtagħli xewqti!
9Mhux li kien jaqtagħha li jtemmni,
jitlaq idu u jqaċċatni mid-dinja!
10Imqar hekk, jibqa’ għalija xi faraġ,
u nifraħ ukoll fl-eqqel tbatija,
għax ma ċħadtx kliem il-Qaddis.
11Imma x’saħħa għandi biex inżomm iebes?
X’tamiet għandi li ntawwal għomri?
12Hija saħħti saħħa taż-żonqor,
u ġismi jewwilla bronż?
13Mhux xejn hi l-qawwa li ngħin ruħi?
Mhux kull rifda twarrbet minni?
Ġob jaqta’ jiesu minn ħbiebu15Iżda ħuti bħal wied qarrqu bija,
għabu bħal qiegħ il-widien
16li jkunu mqallgħin bil-ħalla tas-silġ,
xħin togħdos fihom il-borra;
17fl-istaġun tan-nixfa jixxuttaw,
bil-qilla tas-sħana jitqaxqxu.
18Lejhom idawru l-karwani r-rotta tagħhom,
jidħlu fl-inxif u jinqerdu.
19Jgħarrxu għalihom il-karwani ta’ Tema,
il-merkanti ta’ Saba jittamaw fihom.
20Imma jiregħxu talli ttamaw,
xħin jaslu ħdejhom jinstarmu.
21Issa tabilħaqq sirtu xejn għalija,
rajtu l-ħsara u qabadkom saram.
22Qatt għedtilkom tagħtuni xi ħaġa,
jew għalija tħallsu minn ġidkom?
23Teħilsuni minn dwiefer l-għadu,
jew tifduni minn idejn il-kiefra?
24Għallmuni, mela, u jiena niskot,
fehmuni fejn stajt mort żball.
25X’qawwa fih il-kliem sinċier!
Imma x’jiswa t-tmegħir tagħkom!
26Jaqaw intom il-kliem tridu tlumu,
u tqisu riħ kliem min qata’ qalbu?
27Intom sa fuq iltim titfgħu x-xorti,
u mqar ħabib tagħkom tinneguzjawh.
28Imma issa, nitlobkom, ħarsu lejja,
f’wiċċkom żgur li ma nigdibx.
29Erġgħu aħsbuha li ma ssirx inġustizzja.
Aħsbuha, hawn fin-nofs il-kawża tiegħi.
30Jinsab forsi xi qerq fuq ilsieni?
Tgħid ma jtigħemx ħalqi l-ħwejjeġ ħżiena?
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.