IL-KTIEB TAL-GĦERF 15 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 15Il-ġid tar-reliġjon vera

1Imma int, o Alla tagħna, twajjeb u veru;

int kollok sabar, u tmexxi kollox bil-ħniena.

2Għax ukoll jekk nidinbu, aħna tiegħek u nistqarru setegħtek;

imma ma nidinbux, għax nafu li aħna tiegħek.

3Meta nagħrfu lilek, ikollna t-tjieba sħiħa,

u meta nistqarru setegħtek, naslu għall-ħajja bla tmiem.

4Għalhekk aħna ma tqarraqniex

la minn xogħol maħsub bis-sengħa ħażina tal-bniedem,

u lanqas mill-ħidma fiergħa taż-żebbiegħa,

daqsxejn ta’ xbieha mċappsa b’ħafna kuluri,

5li bid-dehra tagħha l-boloh jitqanqlu għall-ħażen,

imsaħħra mix-xbihat bla ruħ u ħajja.

6Nies li jħobbu ħwejjeġ ħżiena u li ħaqqhom tama bħal din,

huma dawk li jagħmluhom, dawk li jixtiquhom u dawk li jqimuhom.Il-frugħa tal-idolatrija

7Il-ħaddiem tal-fuħħar jitħabat u jagħġen it-tafal artab,

u minnu jaħdem ħwejjeġ li neħtieġu;

mill-istess tafal isawwar xorta waħda,

kemm dawk li bihom ninqdew bil-ġieħ

u kemm dawk li bihom ninqdew xort’oħra.

Min jagħġen it-tajn jaqtagħha

xi jkun l-għan ta’ kull ħaġa li jagħmel.

8U b’taħbit vojt mill-istess tafal isawwar alla fieragħ,

dak stess li ftit qabel sar mit-trab tal-art,

u ftit wara hemm jerġa’ jmur mnejn ittieħed,

meta jkollu jrodd ruħu mislufa lilu.

9Xejn ma jaħseb li dalwaqt imut

jew li ħajtu tulha qasir;

iżda ħsiebu li jilħaq ’il min jaħdem id-deheb u l-fidda,

irid jagħmel bħal min jaħdem il-bronż,

u jiftaħar għax jagħmel xbihat foloz.

10Ftit irmied qalbu, it-tama tiegħu tiswa anqas mit-trab,

u ħajtu anqas minn ftit tajn;

11għax hu m’għarafx min hu dak li ħalqu,

li nefaħ fuqu nifs ħabrieki,

u qiegħed ġo fih ir-ruħ tal-ħajja.

12Imma għalih ħajjitna hi logħba,

u l-għajxien tagħna suq tal-qligħ.

‘L-aqwa li naqlagħha tajjeb,’ jgħid,

‘b’kull mezz li nista’, imqar ħażin.’

13Aktar mill-oħrajn dan jaf bi dnubu;

għax jaħdem mit-trab tal-art fuħħar u allat fiergħa.

Il-kulti Eġizzjani

14Imma wisq aktar boloh, u agħar minn moħħ it-tfal,

l-għedewwa kollha li għakksu l-poplu tiegħek.

15Għax laqgħu b’allat l-idoli kollha tal-ġnus,

li għandhom għajnejhom u bihom ma jarawx,

b’imnifsejhom ma jiħdux nifs,

bil-widnejn li għandhom ma jisimgħux,

bis-swaba’ ta’ jdejhom ma jħossu xejn,

u riġlejhom ma jiswew għal xejn.

16Bniedem hu li għamilhom,

wieħed b’ruħ mislufa sawwarhom.

U l-ebda bniedem ma jista’ jagħmel alla, imqar jekk ikun jixbah lilu stess.

17Ta’ bniedem li jmut, ħaġa mejta jista’ jagħmel b’idejh il-ħżiena,

għax hu nnifsu aħjar mix-xbihat li jqim;

hu għallanqas għandu l-ħajja, imma dawk ma jkollhom qatt.

18Iqimu wkoll bhejjem l-aktar moqżieża,

ħdejn bhejjem oħra bla moħħ, dawn agħar minnhom ilkoll.

19Lanqas bħala bhejjem ma fihom xi ġmiel li jogħġob l-għajn;

meta Alla faħħar u bierek il-ħlejjaq, dawn baqgħu barra.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help