GĦAMOS 4 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 4

1Isimgħu din il-kelma,

intom baqar ta’ Basan,

li qegħdin fuq il-muntanja ta’ Samarija.

Intom li tgħakksu lill-imsejknin, u taħqru l-fqar;

li tgħidu lil żwieġkom:

‘Ġibulna x’nixorbu!’

2Sidi l-Mulej ħalef bi qdusitu:

‘Arahom ġejjin jiem fuqkom

u jeħdukom bis-snanar,

u bil-foxxni l-aħħar fostkom.

3U toħorġu mit-tiċrit tas-swar,

waħda wara l-oħra,

u jwaddbukom lejn Ħarmon,”

oraklu tal-Mulej.

Iżrael ma jindimx

4“Ejjew f’Betel u idinbu,

f’Gilgal u komplu idinbu;

offru s-sagrifiċċji filgħodu,

u l-għexur kull tlitt ijiem.

5Aħarqu l-ħobż bil-ħmira b’radd il-ħajr;

ħabbru u xandru l-offerti minn rajkom.

Għax dan ħabbejtu, ulied Iżrael,”

oraklu ta’ Sidi l-Mulej.

6“Jien naddaftilkom snienkom

fl-ibliet kollha tagħkom,

u naqqastilkom il-ħobż

mill-għamajjar kollha tagħkom,

imma intom ma rġajtux lejja,”

oraklu tal-Mulej.

7“Jien żammejtilkom ukoll ix-xita,

meta l-ħsad kien għadu tliet xhur bogħod;

u bgħatt ix-xita fuq belt,

u fuq belt oħra ma bgħatthiex;

għalqa waħda ssaqqiet bix-xita,

u nixfet l-għalqa l-oħra,

għax xita ma bgħattx fuqha.

8Tnejn, tlitt ibliet ġew jixxenglu,

lejn belt waħda jixorbu l-ilma,

u ma xebgħux!

B’danakollu ma rġajtux għal għandi,”

oraklu tal-Mulej.

9“Jien ilqajtkom bir-riħ Xlokk u bis-sadid,

qridtilkom il-ġonna tagħkom u l-oqsma tad-dwieli,

is-siġar tat-tin u taż-żebbuġ tagħkom

kilhomlkom il-ġrad.

Imma intom ma rġajtux għal għandi,”

oraklu tal-Mulej.

10“Bgħattilkom il-pesta bħal tal-Eġittu,

qtiltilkom bix-xabla ż-żgħażagħ tagħkom,

u ħallejt jinqabdu ż-żwiemel tagħkom

u tellajt fi mnifsejkom

l-intiena tal-kamp tagħkom;

imma intom ma rġajtux għal għandi,”

oraklu tal-Mulej.

11“Jiena qlibtkom ta’ taħt fuq,

kif Alla qaleb lil Sodoma u Gomorra;

kontu bħal ħerba meħlusa minn ħuġġieġa,

imma intom ma rġajtux għal għandi,”

oraklu tal-Mulej.

12“Mela dan se nagħmillek, Iżrael;

u la darba se nagħmillek hekk, ħejji ruħek,

biex tiltaqa’ ma’ Alla tiegħek, O Iżrael.”

13Dak li sawwar il-muntanji,

u joħloq l-irjieħ,

juri lill-bniedem kif hu jaħsibha,

jagħmel is-sebħ u d-dlam,

u jimxi fuq il-qċaċet tal-art,

Jaħweh, Alla tal-eżerċti, jismu.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help