1Il-kelma li qal il-Mulej għal Babilonja u art il-Kaldin permezz tal-profeta Ġeremija:
2“Ħabbru lill-ġnus u xandru,
għollu stendard u xandru,
taħbu xejn imma għidu:
‘Babilonja ttieħdet,
Bel mistħi,
Merodak imħawwad,
allatha mistħija;
l-idoli tagħha mkissra.’
3Għax tiela’ għaliha poplu mit-Tramuntana,
u minn artha jagħmel ħerba.
Ma jkun hemm ħadd jgħammar fiha;
bnedmin u bhejjem telqu u ħarbu.
4F’dawk il-jiem u f’dak il-waqt,
oraklu tal-Mulej,
ulied Iżrael flimkien ma’ wlied Ġuda
jibku huma u ġejjin, għad jiġu jfittxu
lill-Mulej Alla tagħhom.
5Għal Sijon jistaqsu,
lejha jdawru wiċċhom:
“Ejjew nintrabtu mal-Mulej
b’patt għal dejjem ma jintesa qatt.’
6Merħla nagħaġ mitlufa l-poplu tiegħi;
ħarġuhom mit-triq ir-rgħajja tagħhom;
irħewlhom jiġġerrew fuq l-għoljiet,
minn muntanja għal għolja dejjem sejrin,
sa nsew il-maqjel tagħhom.
7Kien jiblagħhom kull min kien isibhom,
l-għedewwa tagħhom kienu jgħidu:
‘Aħna ma naħtu xejn għax huma dinbu kontra l-Mulej.
Mergħa tas-sewwa l-Mulej,
u t-tama ta’ missirijiethom.’
8Aħarbu minn nofs Babilonja,
mill-art tal-Kaldin, oħorġu
u kunu bħall-bdabad f’ras il-merħla.
9Għax, arani, se nqajjem u ntella’ għal Babilonja
ġemgħa ta’ ġnus kbar
mill-art tat-Tramuntana;
dawn jitqassmu kontra tagħha,
minn hemm jaħtfuha,
il-vleġeġ tagħhom bħal ta’ gwerrier tas-sengħa,
li qatt ma jerġa’ lura idu f’idu.
10U tkun il-kadilja priża,
u jixbgħu dawk li jisirquha,
oraklu tal-Mulej.
11Ifirħu! Aqbżu bil-ferħ!
Intom li sraqtu ’l wirti.
Iva! Aqbżu bħal għoġol fuq il-mergħa,
u iżhru bħal fħal.
12Imma ommkom waqgħet f’mistħija kbira,
dik li wilditkom waqqgħuha fl-għajb.
Arawha, ġiet l-aħħar fost il-ġnus,
saret deżert, art niexfa u xagħra.
13Minħabba l-għadab tal-Mulej,
ħadd ma jgħammar fiha;
kollha kemm hi tkun ħerba.
Kull min jgħaddi minn ħdejn Babilonja,
jibqa’ mistagħġeb u bla nifs
għall-ġerħiet li ġarrbet.
14Tqassmu kontra Babilonja dawramejt,
intom ilkoll li tiġbdu l-qaws.
Waddbulha l-vleġeġ; tibżgħux għalihom,
għax dinbet kontra l-Mulej.
15Għajtu kontriha minn kull naħa,
refgħet idejha,
waqgħu torrijietha,
ġġarrfu ħitanha.
Tassew, il-Mulej qed jitħallas minnha,
tħallsu minnha,
bħalma għamlet hi, agħmlu lilha.
16Eqirdu minn Babilonja lil min jiżra’,
lil min jaqbad il-minġel fi żmien il-ħsad.
Minn quddiem ix-xabla qattiela,
idur kull wieħed lejn il-poplu tiegħu,
u kulħadd jaħrab lejn artu.Iżrael jerġa’ lura lejn artu
17Nagħġa mitlufa kien Iżrael,
bl-iljuni jiġru warajha.
L-ewwel belagħha s-sultan tal-Assirja;
imbagħad Nabukodonosor,
sultan ta’ Babilonja, gerrmilha għadamha.”
18Għalhekk dan jgħid il-Mulej tal-eżerċti, Alla ta’ Iżrael:
“Arani, se nikkastiga s-sultan ta’ Babilonja
u ’l artu, bħalma kkastigajt is-sultan tal-Assirja.
19Imma rraġġa’ lura ’l Iżrael
lejn meragħtu.
Għad jirgħa fuq il-Karmel u f’Basan,
u fuq il-muntanji ta’ Efrajm u Gilgħad għad jixba’.
20F’dawk il-jiem u f’dak iż-żmien,
oralu tal-Mulej,
ifittxu l-ħażen ta’ Iżrael, u ma jsibuhx,
u d-dnubiet ta’ Ġuda, u ma jsibuhomx,
għax jien naħfer lil min inħalli ħaj.
21Itla’ għall-art ta’ Meratajm,
għaliha u għal min jgħammar f’Fekod.
Oqtol u eqred li jibqa’,
oraklu tal-Mulej,
u agħmel kulma ordnajtlek.
22Ħsejjes ta’ gwerra fil-pajjiż,
u qerda kbira.
23Kif tkisser u tfarrak il-martell tal-art kollha!
Kif saret waħx Babilonja fost il-ġnus!
24Insabtlek, u int inqbadt,
Babilonja, u int ma ntbaħtx.
Sibtek u qbadtek,
għax int ħadtha kontra l-Mulej.
25Il-Mulej fetaħ il-maħżen tiegħu,
u ħareġ l-armi tal-korla tiegħu,
għax għandu x’jagħmel il-Mulej
f’art il-Kaldin.
26Ejjew għaliha minn truf l-art,
u iftħu mħażen qmuħha.
Geddsu kollox bħal munzell,
u eqirdu kollox, li minnha ma jibqa’ xejn.
27Oqtlu l-gniedes kollha,
ħa jinżlu għall-biċċerija.
Gwaj għalihom,
għax waslilhom il-Jum,
żmien il-kastig.
28Isma’! Il-maħrubin
u l-meħlusin minn art Babilonja,
marru jħabbru f’Sijon
il-vendetta tal-Mulej, Alla tagħna,
il-vendetta għat-tempju tiegħu.
29Sejħu l-arċieri kontra Babilonja,
lil dawk kollha li jiġbdu l-qaws;
waqqfu l-kamp madwarha,
biex ħadd ma jeħles minnha.
Ħallsuha skont ma għamlet,
għamlulha skont għemilha.
Għax iżżarġnet kontra l-Mulej;
kontra l-Qaddis ta’ Iżrael.
30Għalhekk jaqgħu ż-żgħażagħ tagħha
mejta fil-pjazez tagħha,
u jintemmu l-gwerriera dakinhar,
oraklu tal-Mulej.
31Arani, wieqaf quddiemek, ja mżarġna,
oraklu ta’ Sidi l-Mulej tal-eżerċti.
Wasal il-Jum tiegħek,
żmien kastigek.
32U l-imżarġna togħtor u titgerbeb,
u ma jkunx hemm min iqajjimha.
Nagħti n-nar lil blietha,
u jibla’ l-inħawi kollha ta’ madwarha.
33Dan jgħid il-Mulej tal-eżerċti:
‘Imgħakksin ulied Iżrael,
u wlied Ġuda magħhom.
Dawk kollha li ħaduhom fl-eżilju,
jgħassu fuqhom, ma jridux jitilquhom.’
34Imma l-Feddej tagħhom b’saħħtu,
Jaħweh tal-eżerċti jismu.
Jiddefendi l-kawża tagħhom,
biex jikkwieta d-dinja,
imma jħawwad in-nies ta’ Babilonja.
35Xabla għal fuq il-Kaldin,
oraklu tal-Mulej,
u għal fuq in-nies ta’ Babilonja;
u għal fuq il-prinċpijiet
u l-għorrief tagħha.
36Xabla għal fuq dawk li jeħbru
ħalli jiġġennu.
Xabla għal fuq il-gwerriera tagħha,
ħalli jitwerwru.
37Xabla għal fuq iż-żwiemel
u l-imriekeb tagħha;
u għal fuq il-poplu mħallat
li hemm f’nofsha;
ħa jsiru bħan-nisa.
Xabla għal fuq l-imħażen tagħha,
ħa jisirquhom.
38Xabla għal fuq l-ilmijiet ħalli jinxfu.
Għax art l-idoli hi,
u jiftaħru bil-babaw.
39Għalhekk għad jgħammru fiha
l-bhejjem tax-xagħri u x-xakalli,
u hemm joqogħdu n-ngħam.
Qatt iżjed ma tkun mgħammra,
u aktar fiha ma joqgħod ħadd,
minn żmien għal żmien.
40Bħal meta Alla qered lil Sodoma u lil Gomorra,
u l-ibliet tal-qrib,
oraklu tal-Mulej,
hekk ħadd iżjed ma jgħammar hemm,
u ebda bniedem ma joqgħod fiha.
41Araw, poplu ġej mit-Tramuntana,
ġens kbir u kotra slaten
jitqanqlu minn truf id-dinja.
42Il-qaws u l-vleġeġ jaqbdu;
kiefra, nies bla ħniena,
għajjathom ikarwat bħall-baħar,
u ż-żwiemel jirkbu.
Lesti bħal bniedem wieħed għat-taqtigħa,
għalik, bint Babilonja!
43Sama’ s-sultan ta’ Babilonja b’aħbarhom,
u ntelqu idejh,
qabditu d-diqa,
l-uġigħ ta’ mara fil-ħlas.
44Arah, bħal iljun tiela’
mill-masġar tal-Ġordan,
għall-mergħat dejjiema,
hekk f’tebqa t’għajn jiena nħarrbu minnu,
u nqiegħed fuqu l-maħtur tiegħi.
Għax min hu bħali?
Min se jħarrikni?
Min hu r-ragħaj li se jiqafli?
45Għalhekk isimgħu fehmet il-Mulej
li għamel għal Babilonja,
u l-ħsieb li għandu
għal dawk li jgħammru f’art il-Kaldin.
Iva, ikaxkrulhom iż-żgħar tan-nagħaġ tagħhom.
Iva, ħerba ssirilhom mergħathom.
46Titheżżeż l-art mal-ħoss
tal-waqgħa ta’ Babilonja,
u l-għajta tagħha tinstama’ fost il-ġnus.”
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.