MĦALLFIN 5 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 5L-għanja ta’ Debora

1Imbagħad Debora u Barak bin Abinogħam dakinhar għannew din l-għanja:

2Talli l-mexxejja ta’ Iżrael,

bi dlielhom maħlula;

talli l-poplu minn rajh ta ruħu;

bierku lil Jaħweh!

3Isimgħu, Slaten!

agħtu widen, kbarat!

Jien lil Jaħweh,

jien ngħanni,

indoqq lil Jaħweh, Alla ta’ Iżrael.

4Jaħweh, int u ħiereġ minn Segħir,

int u tiela’ minn Edom,

triegħdet l-art,

u nħallu s-smewwiet,

tqattar l-ilma mis-sħab,

5theżżu l-iġbla quddiem Jaħweh,

ġebel Sinaj,

quddiem Jaħweh, Alla ta’ Iżrael.

6Fi żmien Samgar bin Għanat,

fi żmien Ġagħel,

waqfu l-karwani,

u fl-imwarrab terrqu n-nies;

7ħemdu l-irħula f’Iżrael, ħemdu,

sa ma qomt jien, Debora,

sa ma qomt jien, omm f’Iżrael!

8Allat ġodda ħatru,

u ġo bliethom ġiethom il-gwerra.

Tarka f’Iżrael ma kinitx tidher,

u lanqas lanza f’erbgħin elf f’Iżrael.

9Minn qalbi ndur lejn il-kbarat ta’ Iżrael,

lejkom li tajtu ruħkom lill-poplu: Bierku lil Jaħweh!

10Intom riekba fuq il-ħmir xehbiena,

intom mixħuta fuq it-twapet,

intom miexja fit-triq, għannu lkoll!

11Isma’ l-għannejja ħdejn il-bjar,

hemm itennu r-rebħiet ta’ Jaħweh,

ir-rebħiet tiegħu b’risq Iżrael.

Sal-bibien niżel il-poplu ta’ Jaħweh.

12Stenbaħ! Stenbaħ, Debora!

Stenbaħ! Stenbaħ, għanni għanja!

Qum, Barak, agħżel il-priġunieri,

bin Abinogħam!

13Imbagħad niżlu l-bqija tan-nobbli,

il-poplu ta’ Jaħweh niżel għalih bil-qawwijin.

14Minn Efrajm niżlu fil-wied,

warajk fost niesek, Benjamin.

Minn Makir niżlu l-mexxejja,

u minn Żebulun in-nies b’ħatar il-kmand;

15u l-kbarat ta’ Issakar ma’ Debora.

Issakar żamm sħiħ ma’ Barak,

u lejn il-wied irħielha.

Fost il-familji ta’ Ruben,

firdiet kbar ta’ fehmiet il-qalb.

16Għala bqajt fl-imqawel?

Għala bqajt tisma’ tisfir ir-rgħajja?

Fost il-familji ta’ Ruben,

firdiet kbar ta’ fehmiet il-qalb.

17Gilgħad baqa’ ’l hemm mill-Ġordan.

U int, Dan, għala bqajt ’il bogħod ħdejn l-iġfien?

Aser qagħad jitlajja fuq xatt il-baħar,

u ħdejn il-qaliet tiegħu baqa’.

18Żebulun sal-mewt ma jibżax għal ħajtu,

flimkien ma’ Naftali fuq il-wita fil-għoli.

19Ġew is-slaten, u bdew jitqabdu;

tqabdu mbagħad is-slaten ta’ Kangħan,

f’Tagħnak ħdejn l-ilma ta’ Megiddu;

ebda priża ta’ fidda ma ħadu.

20Sa l-kwiekeb tqabdu mis-smewwiet,

il-kwiekeb minn triqathom tqabdu ma’ Sisera.

21Ġarrhom il-wied ta’ Kison,

wied qalbieni, il-wied ta’ Kison!

Agħmel il-ħila, imbotta ’l quddiem, ruħ tiegħi!

22Imbagħad ħabbtu dwiefer iż-żwiemel,

u lebbtu fuq li lebbtu l-ġerrejja tiegħu.

23Isħtu lil Meroż, għajjat l-anġlu tal-Mulej

Isħtu, isħtuh lil min jgħammar fih.

Ma għenux lil Jaħweh,

ebda għajnuna ma taw lil Jaħweh u l-qalbenin.

24Imbierka fost in-nisa Ġagħel,

il-mara ta’ Ħeber il-Keni,

fost in-nisa tal-għerejjex imbierka.

25Ilma talabha, u l-ħalib tatu;

f’bieqja tal-kbarat newlitlu l-baqta.

26Meddet idejha għall-kunjard,

u lemintha għall-martell tal-ħaddiem.

Darbet lil Sisera, u r-ras saħqitlu;

nifditlu nagħsu u saħqithulu.

27F’riġlejha miel, u waqa’, u nxteħet fl-art;

’il fejn miel, hemm waqa’, u mejjet baqa’.

28Mit-tieqa xirfet u għajtet,

Omm Sisera, mit-tieqa mxebbka:

‘X’kien iddawwar ma ġie l-mirkeb tiegħu?

X’kien mitnikkra l-imriekeb tiegħu?’

29Wieġbet l-egħref fost il-kbarat

tan-nisa tagħha,

u hi stess kellha t-tweġiba tagħha:

30‘Humiex ifittxu jaqsmu l-priża?

Lil kull raġel, tfajla jew tnejn;

priża ta’ xaqaq bil-kulur u r-rakkmu,

żewġ xaqaq bil-kulur u r-rakkmu,

għal għonq Sisera?’

31Hekk jintemmu l-għedewwa tiegħek, Jaħweh!

Imma dawk li jħobbuk,

bħal ħruġ ix-xemx fil-qawwa tagħha!”

U hekk il-pajjiż kellu mistrieħ għal erbgħin sena.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help