1Għall-mexxej tal-kor. Fuq l-istrumenti tal-korda. Maskil. Ta’ David.
2Agħti widen, o Alla, għat-talba tiegħi,
titwarrabx mit-talb umli tiegħi.
3Ismagħni u weġibni,
m’għandix mistrieħ fid-dwejjaq tiegħi!
4Nirtogħod bil-biża’ għall-ħoss tal-għedewwa,
minħabba l-għajjat tal-ħżiena;
għax huma jġibu fuqi l-ħsara,
fl-għadab tagħhom jeħduha kontrija.
5Qalbi tinfena ġewwa fija,
biża’ tal-mewt waqa’ fuqi.
6Biża’ u tregħid jiġu fuqi,
u twerwir jaħkimni.
7U ngħid: “Mhux li kelli l-ġwienaħ bħal ħamiema,
biex intir u mmur nistrieħ!
8Kont ’il bogħod immur niġġerra,
u fid-deżert insib fejn noqgħod.
9Kont malajr insib fejn nistkenn
mir-riħ qawwi u r-riefnu.”
10Eqridhom, Sidi, ħawdilhom kliemhom,
għax dnewwa u ġlied fil-belt qiegħed nara.
11Lejl u nhar jiġġerrew fuq il-ħitan tagħha,
fiha m’hemmx ħlief ħsara u dwejjaq.
12Il-ħerba tinsab ġo nofsha,
moħqrija u qerq ma jwarrbux mill-misraħ tagħha.
13Mhuwiex xi għadu dak li jċanfarni;
li kien hekk, kont nissaporti.
Mhux xi wieħed kontrija dak li jkasbarni;
li kien hekk, kont ninħeba minnu.
14Imma int, wieħed bħali,
sieħbi u ħabib tal-qalb,
15li kont nitgħaxxaq nitkellem miegħek,
ħaġa waħda konna nkunu fid-dar ta’ Alla.
16Ħa taqa’ l-mewt fuqhom,
ħa jinżlu ħajjin fl-imwiet,
għax il-ħażen jgħammar fosthom.
17Imma jien lil Alla nsejjaħ,
u l-Mulej isalvani.
18Filgħaxija, filgħodu u f’nofsinhar
nokrob u nitniehed;
u hu jisma’ l-leħen tiegħi.
19Jeħlisli ’l ħajti fis-sliem
mill-ġlied li qajmu kontrija,
għax ħafna huma li ħabtu għalija.
20Alla jismagħni u jrażżanhom,
hu li qiegħed fuq it-tron minn dejjem;
għax huma ma jridux jindmu,
ma għandhomx il-biża’ ta’ Alla.
21Idu rafa’ kontra ħbiebu,
kiser il-ftehim tiegħu.
22Aktar mill-butir hu ħelu fommu,
imma qalbu bil-ġlied mimlija.
Aktar miż-żejt hu artab kliemu,
imma hu bħal sejf mislut.
23Ħalli xortik f’idejn il-Mulej,
u hu jgħinek u jwieżnek;
hu qatt ma jħalli l-ġust jitfixkel.
24U int, o Alla, itfagħhom
fil-ħofra tat-telfien.
Nies tad-demm u tal-qerq,
ma jgħixux nofs ħajjithom!
Imma jien fik nittama.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.