1Il-viżjoni ta’ Għabdija.
Hekk jgħid Sidi l-Mulej dwar Edom:
Smajna b’aħbar li ġiet mingħand il-Mulej,
u fost il-popli messaġġier intbagħat:
“Qumu! Ejjew inqumu kontrih!
Għall-gwerra!”
2Ara, jien nagħmlek ċkejken fost il-ġnus,
għad tkun imżeblaħ ħafna!
3Il-qalb imkabbra tiegħek qarrqet bik,
inti li tgħammar fl-għerien tal-blat,
li għandek l-għamara tiegħek fl-għoli,
inti li f’qalbek tgħid:
“Min se jniżżilni fl-art?”
4Imqar jekk tibqa’ togħla ’l fuq daqs ajkla,
u fost il-kwiekeb tpoġġi l-bejta tiegħek,
minn hemm ukoll inġarrfek,
oraklu tal-Mulej.
5Jekk jiġu l-ħallelin u jidħlu fuqek,
jew jersqu lejk billejl xi nies ħalliela,
ma kinux forsi lilek jisirqulek
dak biss illi għalihom hu biżżejjed?
Jekk jiġu għandek dawk li jaqtgħu l-għeneb,
mhumiex se jħallu xi tilqit warajhom?
Kif ġejt fix-xejn!
6Kemm qallbuh sewwa ta’ taħt fuq ’l Għesaw,
fittxewlu b’reqqa l-ġid li kellu moħbi!
7Qalgħuk ’il barra nett, sa tarf pajjiżek,
kull min għamel patt miegħek daħak bik,
ħbiebek għelbuk,
u min kien jiekol miegħek il-ħobż tiegħek
nasablek xibka taħtek.
M’hemmx għaqal fih!
8U jiena, dakinhar,
oraklu tal-Mulej,
ma neqridhomx l-għorrief minn ġo Edom;
u l-għaqal mill-muntanja ta’ Għesaw?
9Imbagħad il-qalbenin tiegħek, Teman,
jitwerwru lkoll bil-biża’,
għaliex kulħadd jintemm
mill-muntanja ta’ Għesaw.
Talli biċċirt
10u ħqart lil ħuk Ġakobb,
għad tkun miksi bl-għajb,
għal dejjem għad tintemm.
11Għax dakinhar inti kont bqajt biered,
xħin ġidu ġarrewhulu l-barranin,
u nies stranġieri bdew deħlin minn bwiebu
u tellgħu x-xorti għal Ġerusalemm;
kont qisek inti nnifsek wieħed minnhom.
12Imma tifraħx bil-Jum li ġie fuq ħuk,
Jum l-hemm tiegħu;
u xejn la turi hena b’ulied Ġuda
f’Jum il-qerda tagħhom;
lanqas m’għandek tiftaħar f’Jum id-dwejjaq.
13U la tgħaddix minn bieb il-poplu tiegħi
f’Jum l-għawġ tagħhom;
xejn tifraħ int ukoll bi ħsaratu
f’Jum l-għawġ tiegħu;
tmiddx idek fuq ġidu
f’Jum l-għawġ tiegħu;
14tiqafx f’salib it-toroq
ħa teqred il-maħrub minnu;
la terħihomx f’idejn l-għedewwa tagħhom
lil dawk li jibqgħu fih
f’Jum id-dwejjaq.
15Għax qrib Jum il-Mulej għall-popli kollha!
Kif għamilt inti, hekk għad jagħmlu lilek,
fuq rasek stess għad jaqa’ għemilek.
16Għaliex kif mill-muntanja mqaddsa tiegħi
mortu tixorbu intom,
hekk għad jixorbu dejjem il-ġnus kollha:
jixorbu u jlegilgu,
imbagħad ikunu qishom qatt ma kienu.
17Iżda fuq il-muntanja ta’ Sijon
jibqgħu xi meħlusin,
u hi tkun post qaddis;
u dar Ġakobb tfaqqar lil min faqqarha!
18U dar Ġakobb tkun nar,
u dar Ġużeppi tkun xrara,
u dar Għesaw tkun tiben,
u jaħarquhom, iva, jibilgħuhom,
ebda meħlus ma jibqa’ f’dar Għesaw:
għax tkellem il-Mulej!
19In-nies tan-Negeb jieħdu f’idejhom
il-muntanja ta’ Għesaw;
u dawk ta’ Sefela,
pajjiż il-Filistin;
il-wita ta’ Efrajm taqa’ f’idejhom,
u jieħdu dik ta’ Samarija wkoll;
u Benjamin jieħu Gilgħad għalih.
20L-eżiljati ta’ Ħalah, dawn ulied Iżrael,
jieħdu Kangħan għalihom, sa Sarefta;
l-itturufnati ta’ Ġerusalemm,
li qegħdin f’Sefarad,
jieħdu l-ibliet tan-Negeb.
21U, meħlusin mill-eżilju,
fuq il-muntanja ta’ Sijon jitilgħu
biex mill-muntanja ta’ Għesaw jagħmlu l-ħaqq.
U tkun imbagħad is-saltna tal-Mulej.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.