PROVERBJI 18 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 18

1Min irid jinfired mill-oħrajn jara x’jaqla’,

u għal kull xejn jiġġieled.

2L-iblah ma jħobbx jimxi bl-għaqal,

irid biss juri fehemtu.

3Il-ħażen iġib it-tmaqdir miegħu;

jiġi l-għajb fuq min jitlef ġieħu.

4Kliem l-għaref bħal ilma fond,

għajn l-għerf nixxiegħa ta’ ilma ħaj.

5Mhux sewwa raġun tagħti lill-ħażin,

biex tagħti tort lill-ġust fil-ħaqq.

6Kliem l-iblah jaqla’ l-inkwiet,

kliem fommu jġib il-ġlied.

7Bi kliemu l-iblah jiġġarraf,

fommu xibka għalih innifsu.

8Kliem ix-xewwiex bħal ikel bnin,

li jinżel sa qiegħ l-istonku.

9Min jitnikker fuq xogħlu,

jiġi ħu dak li jġarraf.

10Isem il-Mulej hu torri qawwi;

fih jistkenn il-ġust b’moħħu mistrieħ.

11Ġid l-għani hu belt qawwija għalih;

jistħajlu sur għoli madwaru.

12Il-bniedem jitkabbar, sakemm ma jaqax,

biex tasal għall-ġieħ, trid tiċċekken.

13Min iwieġeb qabel ma jisma’,

bluha jagħmel u mistħija jkollu.

14Min hu ta’ kuraġġ jiflaħ għall-mard,

imma min qalbu maqtugħa, biex jintrefa’?

15Moħħ miftuħ jikseb l-għerf;

l-għorrief jagħtu widen għat-tagħlim.

16Min jagħti r-rigali jiftaħ it-triq quddiemu,

u jibqa’ dieħel sa quddiem il-kbar.

17Min jitkellem l-ewwel taħsbu għandu raġun,

sakemm ħaddieħor jgħarblu u jistaqsih.

18Bix-xorti twaqqaf il-ġlied,

u taqta’ min għandu raġun f’tilwima kbira.

19Ħuk imweġġa’ jsir għalik bħal belt qawwija,

u l-ġlied iebes daqs bieb ta’ fortizza.

20Bi frott kliemu jixba’ l-bniedem,

bi kliem fommu jaqla’ x’jiekol.

21Fis-setgħa ta’ lsien il-mewt u l-ħajja,

min jinqeda bih tajjeb jiekol minn frottu.

22Min isib mara jsib il-ġid,

u jikseb il-barka tal-Mulej.

23Il-fqir jitlob bil-ħniena,

u l-għani jwieġeb bil-herra.

24Hemm ħbieb tal-isem biss;

ħabib tassew jintrabat miegħek aktar minn ħuk.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help